Minn Giuseppe Guerini

Kif jissuġġerixxi t-titolu tar-Rapport ta’ Letta, l-Unjoni Ewropea u s-sistema ekonomika u kummerċjali tagħha huma ferm aktar minn sempliċi suq. Dan għaliex, mill-bidu nett, l-Unjoni Ewropea għażlet li tkun ekonomija soċjali tas-suq, fejn il-prosperità ekonomika ma tikkonsistix biss fl-akkumulazzjoni tal-ġid iżda wkoll li nkunu kapaċi niżguraw li l-ġid li jiġi nnegozjat u maħluq fis-suq igwadi minnu kulħadd.

B’dan il-mod, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jiffurmaw ekosistema li tiżgura s-solidarjetà permezz tan-negozju, mudell utli għall-organizzazzjonijiet privati li madankollu jaġixxu fl-interess ġenerali.

Ir-rapport ta’ Letta jidentifika din il-karatteristika li diġà kienet inkluża fil-pjan ta’ azzjoni u fir-rakkomandazzjoni dwar l-ekonomija soċjali. Ir-rapport jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jirrikonoxxu l-karatteristiċi speċifiċi tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, jadattaw ir-regoli li jirregolaw is-suq intern u l-kompetizzjoni, u jtejbu l-qafas legali għall-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi żgurat li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jkollhom aċċess aktar faċli għas-self u l-finanzjament.

Il-KESE kkontribwixxa b’mod sinifikanti biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali jirrikonoxxu l-għan u r-rwol tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. Huwa pparteċipa f’ħafna inizjattivi u adotta ħafna Opinjonijiet f’konformità mal-ħidma li wasslet għall-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali fl-2021 u r-Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri fl-2023. Barra minn hekk, bil-ħruġ ta’ Opinjonijiet dwar il-politika tal-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat b’rabta mas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, ħriġna id-dieher il-ħtieġa li jogħlew il-limiti għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat de minimis, u żgurajna bidliet fir-regolament li ġew approvati lejn l-aħħar tal-2023. It-talbiet, stabbiliti fir-Rapport ta’ Letta, biex jiġi adattat ir-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija u jittejjeb il-finanzjament huma konformi mas-sejħiet tal-KESE f’diversi Opinjonijiet maħruġa fl-2022 u l-2023. Għalhekk dan iħeġġiġna nkomplu naħdmu fuq il-promozzjoni ta’ din l-Opinjoni biex insaħħu r-rikonoxximent tal-ekonomija soċjali. Irridu nissensibilizzaw aktar nies rigward il-benefiċċji ta’ regolamentazzjoni effettiva b’rabta mal-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat kemm għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali kif ukoll għas-sistema kollha ta’ servizzi ta’ interess ġenerali.