European Economic
and Social Committee
Studju ġdid jixħet dawl fuq il-kost tat-tibdil fil-klima għall-unitajiet domestiċi madwar l-UE
Minn Lorenza Campagnolo, koordinatur tar-riċerka, u t-tim tas-CMCC involut f’dan l-istudju
L-istudju dwar Il-kost tat-tibdil fil-klima fuq l-unitajiet domestiċi u l-familji fl-UE kien opportunità kbira biex jinxteħet dawl fuq kif l-ispejjeż assoċjati mal-miżuri ta’ adattament, il-politiki ta’ mitigazzjoni u l-impatt tat-tibdil fil-klima jaffettwaw lill-unitajiet domestiċi fl-UE skont liema reġjun jinsabu fih u l-karatteristiċi soċjoekonomiċi tagħhom. L-istudju jirrikonoxxi li hemm lakuna fil-letteratura, mingħajr valutazzjoni wiesgħa tal-ispejjeż tat-tibdil fil-klima li tiffoka fuq l-unitajiet domestiċi tal-UE.
Jipproponi wkoll metodoloġija u riżultati ġodda li jikkombinaw l-informazzjoni tal-Eurostat dwar l-introjtu u n-nefqa tal-unitajiet domestiċi, il-perikli relatati mal-klima u l-għodod ta’ mmudellar. L-istudju tagħna jqis kemm it-telf tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi kif ukoll l-infiq ikkawżat mill-klima bħala konsegwenza diretta tal-impatti tat-tibdil fil-klima jew tal-ħtiġijiet ta’ adattament.
It-tibdil fil-klima se jkollu impatt differenti fuq reġjuni u gruppi soċjoekonomiċi differenti tal-UE fl-2050. F’xenarju ta’ tibdil fil-klima moderat x’aktarx li jkun hemm żidiet fin-nefqa domestika għas-saħħa fil-partijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-UE, fin-nefqa tal-ikel fiż-żoni tal-Lvant, tal-Punent u tan-Nofsinhar, fin-nefqa fuq l-elettriku fir-reġjuni kollha u fl-assigurazzjoni, speċjalment fit-Tramuntana. Din iż-żieda fin-nefqa se tpoġġi piż kbir fuq unitajiet domestiċi ifqar, li se jkunu inqas kapaċi jiddiversifikaw il-konsum u se jkollhom kapaċità limitata biex jadattaw. Fl-istess ħin, it-telf tal-introjtu mix-xogħol se jitfaċċa fin-Nofsinhar tal-UE u t-telf ġenerali tal-introjtu se jkun mifrux madwar ir-reġjuni kollha.
Se jkun hemm impatti negattivi u rigressivi (b’piż akbar fuq unitajiet domestiċi ifqar milli fuq dawk aktar sinjuri) fuq firxa wiesgħa ta’ nefqiet fuq oġġetti/servizzi u sorsi ta’ introjtu, speċjalment fin-Nofsinhar tal-UE (nefqa fuq is-saħħa, l-elettriku u l-assigurazzjoni, u l-introjtu totali mix-xogħol), iżda wkoll marġinalment fil-Lvant (nefqa fuq l-ikel) u fir-reġjuni tat-Tramuntana (nefqa fuq l-elettriku u l-assigurazzjoni). It-tibdil fil-klima x’aktarx se jżid l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar madwar l-UE; ix-xenarji tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima x’aktarx li jnaqqsu dan, u jiffavorixxu tkabbir aktar mgħaġġel fil-pagi ta’ ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet meta mqabbla ma’ ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet.
Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin għal dawk li jfasslu l-politika huma li tingħata prijorità lir-reġjuni, bħal fil-każ tal-partijiet tan-Nofsinhar tal-UE, li qed jesperjenzaw impatti negattivi fuq l-unitajiet domestiċi u r-rigressività fl-istess ħin, u li jissaħħu l-miżuri ta’ appoġġ għall-introjtu u jfassluhom apposta għas-segmenti l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni f’dawn ir-reġjuni. Barra minn hekk, in-natura multisettorjali tal-ispejjeż tat-tibdil fil-klima titlob integrazzjoni orizzontali tal-politika biex it-tfassil tal-politika jsir aktar effettiv.
L-istudju, li twettaq mis-CMCC fuq talba tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tiegħu, u s-sommarju eżekuttiv jista’ jitniżżel mis-sit web tal-KESE.