European Economic
and Social Committee
COP28: Is-soċjetà ċivili tagħmel pressjoni għal aktar azzjoni biex issalva l-klima
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jesprimu d-diżappunt tagħhom dwar l-eżiti tal-COP28, iżda jqisuhom bħala pjattaforma għal aktar azzjoni Ewropea fix-xena globali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jibqa’ impenjat li jindirizza l-kriżi klimatika, u fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa li nkunu aktar ambizzjużi u ninvolvu aktar liż-żgħażagħ.
Il-COP28 timmarka bidla storika hekk kif għall-ewwel darba fi tletin sena l-pajjiżi ħadu l-impenn li jitbiegħdu mill-fjuwils fossili fis-sistemi tal-enerġija. Il-President tal-KESE Oliver Röpke jirrikonoxxi dan il-progress iżda jinsisti li l-fjuwils fossili jiġu eliminati kompletament b’mod gradwali u jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu involuti f'dawn l-isforzi.
In-negozjaturi tal-UE jaffermaw li rnexxielhom iżommu ħaj l-għan tal-Ftehim ta’ Pariġi li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali. Il-COP28 tiffoka fuq is-settur tal-enerġija, billi timmira lejn tnaqqis ta’ 43 % fl-emissjonijiet sal-2030 u għandha fil-mira tagħha emissjonijiet żero netti sal-2050. Madankollu, il-ftehim safa l-mira ta’ kritika minħabba n-nuqqasijiet tiegħu, inkluż l-inċertezzi dwar il-kisba tal-mira ta’ 1,5°C, l-influwenza tal-Istati li jipproduċu ż-żejt u d-dgħufija tal-dispożizzjonijiet finanzjarji fir-rigward tat-tranżizzjoni.
Sandrine Dixson-Declève, kopresident ta’ The Club of Rome, twissi dwar iż-żieda fl-inugwaljanza tal-ġid u t-tensjonijiet soċjali li jirriżultaw minn kondiviżjoni inadegwata tal-piżijiet. Id-delegat taż-Żgħażagħ tal-KESE Diandra Ni Bhuachalla tgħid li tinsab diżappuntata ferm mill-eżitu tal-COP28, u tenfasizza l-importanza tal-esperjenzi reali tan-nies fil-ġlieda kontra l-lobbyists tal-fjuwils fossili.
Minkejja t-tħassib, il-membri tal-KESE jirrikonoxxu aspetti pożittivi tal-ftehim ta’ Dubai u jwiegħdu li se jindirizzaw il-lakuni, u fl-istess ħin iħeġġu istituzzjonijiet oħra tal-UE biex jagħmlu l-istess. Il-messaġġ ġenerali mid-dibattitu tal-KESE huwa impenn riżolut: “Mhux se naqtgħu qalbna” biex nindirizzaw b’mod urġenti l-kriżi tal-klima permezz ta’ azzjoni kontinwa tal-UE u tan-NU. (ks)