European Economic
and Social Committee
Il-konformità mal-impenji klimatiċi tippromovi l-paċi u s-sigurtà
Fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) indirizza l-impatt tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq il-paċi, is-sigurtà u d-difiża. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jsir investiment biex jiġu stabbiliti risposti reżiljenti għal dawn l-isfidi globali.
Peress li l-missjoni fundamentali tal-proġett tal-UE hija li tippromovi u tippreserva l-paċi, jeħtieġ li l-Ewropa żżid l-isforzi tagħha għall-bini tal-paċi.
Fl-Opinjoni, il-KESE jenfasizza li l-promozzjoni tal-paċi hija marbuta b’mod inseparabbli mal-preservazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kumitat hija li huwa essenzjali li r-rabta bejn il-klima u s-sigurtà tkompli tiġi integrata fil-politiki esterni tal-UE. Dan għandu jsir billi jinħolqu interfaċċi proattivi bejn l-istituzzjonijiet responsabbli għar-relazzjonijiet esterni, il-koeżjoni interna tal-UE u s-servizzi tas-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri. It-terminu “rabta bejn il-klima u s-sigurtà” jirreferi għall-impatti kemm tat-tibdil fil-klima kif ukoll tad-degradazzjoni ambjentali fuq il-paċi, is-sigurtà u d-difiża.
Ozlem Yildirim, membru tal-KESE u r-relatur għall-Opinjoni qal: “Il-KESE qed jipproponi wkoll miżuri speċifiċi biex jiġu antiċipati b’mod effettiv, b’mod partikolari billi jsir investiment f’risponsi reżiljenti, jitħejjew proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet b’rabta mat-tensjonijiet tal-ġejjieni u, fuq kollox, billi tinħoloq strateġija ġenwina dwar din il-kwistjoni fil-livell tal-UE. Il-konformità fil-pront u b’mod effettivamal-impenji klimatiċi mill-partijiet kollha hija wkoll lieva preventiva importanti!”
Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tqis ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà. Madankollu, il-KESE jħoss li d-dokument ma jistabbilixxix parametri ġeografiċi, politiċi u militari, peress li ma jindirizzax in-natura dejjem tinbidel ta’ din ir-rabta, meta fil-fatt is-sitwazzjoni se tiddeterjora u tista’ twassal għal tensjonijiet serji bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jkollhom djalogu speċifiku permanenti dwar ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà. (at)