F’Ottubru, il-KESE adotta Opinjoni li tipproponi riflessjoni mill-ġdid u fundamentali dwar kif jaħdmu l-finanzi tal-UE. Huwa appella għal aktar trasparenza u parteċipazzjoni taċ-ċittadini madwar l-UE, biex b’hekk jissaħħu d-demokrazija u l-fiduċja pubblika. 

Biex dan l-għan jinkiseb, il-KESE rrakkomanda li jiġi żviluppat qafas komuni għal trasparenza fiskali, li jinvolvi liċ-ċittadini fil-proċessi tal-ibbaġitjar, u li jinħolqu għodod diġitali għal informazzjoni aktar ċara dwar il-baġit.

“Immaġina biss li tkun tista’ ssegwi kull euro ta’ finanzjament tal-UE – minn Brussell permezz tal-gvernijiet nazzjonali sal-komunità lokali tiegħek”, qalet ir-relatur tal-Opinjoni, Elena Calistru.

Fil-fehma tal-KESE, qafas komuni għal trasparenza fiskali se jistabbilixxi standards ċari u konsistenti għall-programmi kollha ffinanzjati mill-UE u jiżgura rappurtar uniformi u aċċess faċli għad-data finanzjarja fl-Istati Membri kollha. L-enfasi tkun fuq il-promozzjoni tal-aħjar prattiki aktar milli l-introduzzjoni ta’ regolamenti ġodda.

L-ibbaġitjar parteċipattiv jippermetti liċ-ċittadini jkollhom sehem dirett fid-deċiżjonijiet dwar l-infiq pubbliku, b’mod partikolari fil-livell lokali, filwaqt li jinkorpora elementi parteċipattivi fil-proċessi tal-ibbaġitjar fil-livell tal-UE.

Il-KESE appella għal pjattaforma diġitali unifikata faċli għall-utent li toffri data baġitarja f’ħin reali, viżwalizzazzjonijiet ċari, u għarfien dwar kif il-fondi tal-UE qed jagħtu r-riżultati. Dan iżid il-fehim pubbliku u l-involviment tal-informazzjoni finanzjarja.

Il-KESE enfasizza wkoll l-importanza li titqajjem kuxjenza pubblika, tiġi żgurata sorveljanza aktar b’saħħitha, u li l-prattiki finanzjarji jiġu allinjati mal-għanijiet tal-UE bħall-koeżjoni u s-sostenibbiltà biex jitrawmu l-kooperazzjoni u r-responsabbiltà.

“Il-finanzi tal-UE mhumiex biss dwar iċ-ċifri. Huma dwar il-fiduċja u d-demokrazija u biex l-Ewropa taħdem għaċ-ċittadini tagħha", ikkonkludiet is-Sinjura Calistru. (tk)