European Economic
and Social Committee
L-għoli tal-ħajja kollox, balalu!
Mill-Grupp tal-Ħaddiema
Jidher li llum il-ġurnata hija aktar adatta parafrażi tal-islogan tal-kampanja ta’ Bill Clinton tal-1992 “Hija l-ekonomija li tħoll u torbot, baħnan!”, li dak iż-żmien kien laqat bil-kbir il-votanti Amerikani li kienu qed jiffaċċjaw reċessjoni. Biżżejjed tħares lejn ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ postelettorali tal-UE fl-Ewrobarometru li juru li l-inflazzjoni u l-ekonomija kienu s-suġġetti ewlenin li ħeġġew lin-nies jivvutaw.
Le, ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd u t-tbatija ekonomika waħedha ma tistax tispjega l-problemi kollha marbuta mal-elezzjonijiet li ġejjin. Madankollu, huwa ċar li ż-żieda fil-prezzijiet, l-għoli tal-ħajja u s-sitwazzjoni ekonomika kienu l-motivaturi ewlenin tal-votanti fl-UE fir-rebbiegħa li għaddiet u n-naħa l-oħra tal-Atlantiku ftit ġimgħat ilu. Mhux għax is-sinjali ma kinux ilhom li ħarġu fid-dieher: biss biss, kien it-tħassib ewlieni (segwit mill-faqar u l-esklużjoni soċjali) fil-bidu tal-2023. Filwaqt li l-indikaturi makroekonomiċi jagħtu l-impressjoni li huma suċċess għal dawk li jfasslu l-politika, l-impatt dirett tal-inflazzjoni fuq oġġetti essenzjali bħall-ikel u l-enerġija għadu sever, u jaffettwa b’mod sproporzjonat lil dawk li jonfqu sehem akbar mill-introjtu tagħhom fuq dawn il-ħtiġijiet. Dan seħħ f’nofs l-irkupru mill-pandemija u r-rispons ta’ politika katastrofiku marbut magħha, u għad hemm ħafna pajjiżi li għadhom qed ibatu l-konsegwenzi tal-kriżi tal-2008.
Il-pagi ilhom diżakkoppjati mit-tkabbir tal-produttività għal għexieren ta’ snin, u dan wassal biex il-prospetti ta’ futur aħjar jisfaw fix-xejn għal ħafna nies tal-klassi tal-ħaddiema u l-klassi medja. L-estremiżmu politiku u t-taqlib elettorali mhux se jisparixxu.
L-indirizzar tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja huwa kruċjali għall-futur tal-Ewropa, peress li tixħet dawl fuq kwistjonijiet strutturali fis-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna waqt li tisfida l-prinċipji li fuqhom tissejjes in-nisġa soċjali tad-demokraziji tagħna.
Fis-26 ta’ Novembru, il-Grupp tal-Ħaddiema ltaqa’ ma’ diversi partijiet ikkonċernati biex jiddiskutu dan kollu, u nistednuk tagħti ħarsa lejn din id-diskussjoni u tingħaqad magħna biex tappella lil dawk li jfasslu l-politika jieqfu jużaw ruxxmata buzzwords, inaqqsu d-diskrepanza fil-ħiliet tagħhom stess, u jiffokaw fuq dak li huwa importanti.