Il-KESE qed iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tagħti spinta lill-investiment tagħha fil-konnettività sigura, fl-infrastruttura reżiljenti u fil-ktajjen tal-provvista biex tiżgura li tibqa’ kompetittiva fil-qasam tal-IA bi skop ġenerali li qed jevolvi malajr. Dawn il-miżuri jitqiesu bħala essenzjali biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-IA ġenerattiva f’konformità mal-valuri, il-ħtiġijiet u d-drittijiet fundamentali Ewropej.

Fl-opinjoni esploratorja tiegħu dwar L-intelliġenza artifiċjali/it-triq ’il quddiem, li fiha jiffoka fuq l-aspetti ewlenin tal-IA bi skop ġenerali, il-KESE jenfasizza li d-dinamiżmu u l-kumplessità tal-IA jeħtieġu aġġornamenti kontinwi għall-Att tal-UE dwar l-IA. Filwaqt li l-mudelli tal-IA bi skop ġenerali huma fil-biċċa l-kbira tekniċi u japplikaw b’mod predominanti fis-settur minn negozju għal negozju (B2B), l-impatt indirett tagħhom fuq il-ħaddiema u l-konsumaturi ma jistax jiġi injorat.

“Naħsbu li huwa importanti ħafna li kwalunkwe IA li nużaw hawnhekk fl-Ewropa tkun ibbażata wkoll fuq il-valuri Ewropej. Naturalment dan ifisser l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, iżda jfisser ukoll trasparenza, kredibbiltà u affidabbiltà. Dawn huma l-fatturi ewlenin li jippermettu lil kwalunkwe sistema tal-IA taħdem għan-nies,” qalet Sandra Parthie, ir-relatur tal-Opinjoni, li ntalbet mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-UE.

Għalkemm jappoġġja l-Att dwar l-IA, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li dan jiġi mmonitorjat u aġġustat mill-qrib jekk ir-regolament joħnoq l-innovazzjoni tal-kumpaniji tal-UE ffukati fuq l-IA. Dan jista’ jseħħ fejn ikun hemm inċertezzi dwar kif għandu jiġi applikat ir-regolament jew jekk jirriżulta li huwa kumpless wisq u jbiegħed lill-investituri u l-innovaturi lil hinn mis-suq Ewropew.

Sabiex tiġi miġġielda d-dominanza qawwija ta’ kumpaniji diġitali kbar mhux tal-UE fis-suq tal-UE, il-KESE appella biex l-għodod tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE jiġu mobilizzati biex jindirizzaw kwalunkwe mġiba kritika jew nuqqas ta’ konformità mal-istandards tal-UE.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jinvestu fl-innovazzjoni biex jibnu networks b’saħħithom għall-ħolqien u t-titjib ta’ prodotti tal-IA u biex iżidu l-benefiċċji li ġġib l-IA għan-nies u għall-ekonomija. In-nuqqas ta’ żvilupp u użu tal-IA bi skop ġenerali fl-Ewropa jista’ jirriżulta fi tnaqqis fil-kompetittività fost il-kumpaniji Ewropej u tnaqqis fil-bejgħ, telf ta’ impjiegi, staġnar ekonomiku u faqar.

“Għandna kumpaniji u riċerkaturi tajbin ħafna; għandna faċilitajiet ta’ riċerka ewlenin fid-dinja fuq l-għatba tagħna. Jeħtieġ li nippromovuhom ħafna aktar milli nagħmlu. Jeħtieġ li nattiraw it-talent u nagħmlu l-Ewropa attraenti għalihom biex jaħdmu hawnhekk. Jeħtieġ li niżviluppaw l-IA magħmula fl-Ewropa,” ikkonkludiet is-Sinjura Parthie. (ll)