European Economic
and Social Committee
Oħorġu vvutaw f’Ġunju 2024: il-KESE qed jappella lill-Ewropej biex jivvutaw għal Ewropa magħquda u demokratika
Fl-20 ta’ Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta riżoluzzjoni fejn jappella liċ-ċittadini Ewropej biex jeżerċitaw id-dritt demokratiku tagħhom tal-vot matul l-elezzjonijiet Ewropej li qed joqorbu malajr.
“Għaddejna minn żminijiet diffiċli, iżda ħadd ma jista’ jiċħad li l-UE ggarantiet il-paċi, id-demokrazija, il-prosperità ekonomika u l-progress soċjali għall-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha. Bis-saħħa tal-Unjoni, għandna l-libertà li naħdmu, nistudjaw u nagħmlu negozju fil-pajjiżi kollha tal-UE,” il-KESE ddikjara fir-riżoluzzjoni.
“In-nazzjonaliżmu, il-populiżmu u s-soluzzjonijiet fil-livell ta’ stat individwali mhumiex it-tweġiba. Il-kollaborazzjoni, il-kooperazzjoni u l-konverġenza huma”, qal il-KESE, waqt li enfasizza li l-ebda pajjiż tal-UE ma jista’ jlaħħaq waħdu ma’ sfidi bħaż-żieda fl-inflazzjoni, il-gwerer, il-migrazzjoni jew l-emerġenza klimatika.
Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Marzu wara d-dibattitu dwar “L-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 mil-lenti tas-soċjetà ċivili”, bil-parteċipazzjoni ta’ attivisti tas-soċjetà ċivili u l-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali ta’ Franza u l-Bulgarija.
Il-KESE qal li xtaq jimmobilizza n-network tiegħu ta’ mill-inqas 90 miljun persuna madwar l-UE, u jiżgura li l-Ewropej joħorġu jivvutaw biex jiddeċiedu min se jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew matul il-ħames snin li ġejjin.
Fil-plenarja, il-President tal-KESE Oliver Röpke qal li l-organizzazzjonijiet rappreżentati mill-membri tal-KESE għandhom għeruq profondi fis-soċjetajiet ċivili nazzjonali: “Nistgħu nilħqu lil kulħadd, nistgħu nġiegħlu lin-nies jivvutaw, u dan jeħtiġilna nagħmluh. Huwa d-dmir morali tagħna.”
Il-KESE ngħaqad ukoll mal-Parlament Ewropew biex jgħin sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, għax is-soltu tkun ħafna aktar baxxa milli fl-elezzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari f’uħud mill-Istati Membri.
Il-President tal-KESE enfasizza li, fi sfond fejn id-demokrazija sejra lura madwar id-dinja u f’ċerti Stati Membri, l-elezzjonijiet tal-2024 huma ta’ importanza partikolarment kbira.
“Dawn l-elezzjonijiet mhumiex is-soluzzjoni maġika biex intemmu l-inkwiet tagħna, inneħħu l-biżgħat tagħna, jew intaffu t-tħassib taċ-ċittadini, iżda huma mod leġittimu biex nesprimu x-xewqat tagħna, nitolbu futur aħjar, u nżommu lil dawk fil-poter responsabbli,” qal is-Sur Röpke.
Meta tkellmu fil-plenarja, it-tliet relaturi tar-riżoluzzjoni, il-membri tal-KESE Christa Schweng, Cinzia del Rio u Ioannis Vardakastanis, li jirrappreżentaw lill-Gruppi tal-KESE ta’ Min Iħaddem, tal-Ħaddiema u tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili rispettivament, kienu magħquda fl-appell tagħhom lill-Ewropej biex jużaw il-vot tagħhom u jeleġġu rappreżentanti li se jiddefendu Ewropa magħquda, demokratika, sostenibbli u soċjali.
Il-KESE ser jadotta riżoluzzjoni oħra f’Lulju, li tiffoka fuq it-talbiet tas-soċjetà ċivili lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni li jkunu ġew eletti.(II)