Il-fondi ta’ rkupru u l-baġit ma jistgħux jinżammu ostaġġi!

Fit-18 ta’ Novembru, il-presidenti rispettivi tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC) tal-KESE, tas-Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (ECO) tal-KESE, u tal-Grupp Ad Hoc tal-KESE dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt, Aurel Laurențiu Plosceanu, Stefano Palmieri u Cristian Pîrvulescu, ħarġu stqarrija konġunta fejn urew it-tħassib serju tagħhom dwar il-pożizzjoni ta’ żewġ gvernijiet li heddew li jużaw il-veto biex iwaqqfu l-Baġit tal-UE jekk jibqa’ marbut mar-rispett tal-istat tad-dritt.

Il-KESE diġà wera l-appoġġ qawwi tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni dwar il-pakkett tan-Next Generation EU, li flimkien mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 b’total ta’ EUR 1.82 triljun – għandu jtaffi l-impatti kbar tal-kriżi tal-COVID-19 u jippermetti li l-ekonomiji tal-UE jirkupraw malajr.

Skont l-istqarrija, li l-użu tal-fondi tal-UE jkun jiddependi mill-fatt li l-Istati Membri jirrispettaw l-istat tad-dritt m’għandux ikun kontroversjali peress li dan huwa wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom hija mibnija l-UE.

Aqra l-istqarrija sħiħa hawn: https://europa.eu/!cH83Bj