L-aġġornament tant mistenni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-farmaċewtika joffri benefiċċji potenzjali għall-Ewropej, iżda għandu jqis aktar l-awtonomija strateġika.

It-tiġdid propost tar-regolament tal-UE dwar is-settur farmaċewtiku huwa milqugħ tajjeb, jgħid il-KESE, iżda għandu jagħmel enfasi akbar fuq it-tħassib soċjali u ġeopolitiku usa’, u apparti hekk jiżgura li l-industrija tibqa’ kompetittiva u tattira l-investiment.

“Jeħtieġ li niksbu awtonomija strateġika u għal dan neħtieġu s-sigurtà tal-provvista. Jeħtieġ li jiġu żviluppati inċentivi amministrattivi u finanzjarji,” qal Martin Schaffenrath, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar il-proposta tal-Kummissjoni. “Neħtieġu investiment f’dan is-settur. Neħtieġu appoġġ sostenibbli għal dan il-qasam. U jeħtieġ li nerġgħu nġibu lura l-produzzjoni.”

L-industrija farmaċewtika hija attur ekonomiku ewlieni fl-UE, u timpjega 840 000 persuna b’mod dirett u tliet darbiet aktar min hekk b’mod indirett. Fl-2021, l-industrija investiet EUR 41 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni. L-Opinjoni tagħmilha ċara li l-appoġġ għas-settur bħala pedament ta’ teknoloġija avvanzata tal-ekonomija tal-UE għandu jkun fil-qalba tal-approċċ fit-tul tal-Unjoni.

Sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi terzi, il-KESE jappoġġja l-inċentivi għall-manifatturi tal-mediċini fl-UE u jirrakkomanda r-rilokazzjoni tal-produzzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE. L-Opinjoni tipproponi wkoll l-istabbiliment ta’ riżerva ta’ kontinġenza Ewropea ta’ mediċini ta’ importanza strateġika. Il-KESE jenfasizza l-awtonomija strateġika ekwa u jirrakkomanda l-espansjoni tax-xiri konġunt tal-mediċini tal-UE, u fl-istess ħin jikkwota l-eżempju ta’ suċċess tal-akkwist tal-vaċċini kontra l-COVID-19.

L-Opinjoni tiffoka fuq l-importanza soċjali tar-reviżjoni regolatorja u tipproponi fond speċjali fil-livell tal-UE għall-mard rari, li jiżgura l-aċċess għat-trattament għall-pazjenti Ewropej kollha u li jtaffi d-disparitajiet fil-kura tas-saħħa fost l-Istati Membri, speċjalment meta l-assigurazzjoni tas-saħħa statutorja ma tkoprix l-ispejjeż kollha tat-trattament. (dm)