European Economic
and Social Committee
Il-kreattività fi żminijiet tal-COVID-19: il-każ tal-industrija mużikali
Is-sit web tal-KESE qed jospita sensiela ta’ intervisti bil-filmati ma’ professjonisti mużikali li jagħtu ħarsa lejn kif il-pandemija tal-COVID-19 biddlet xogħolhom.
Is-setturi kulturali u kreattivi huma fost l-industriji li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, bl-użu tal-għodod diġitali, il-kreattività u l-innovazzjoni, l-artisti setgħu jibqgħu f’kuntatt mal-udjenzi tagħhom. Tfaċċaw forom ġodda ta’ kontenut, xi wħud minnhom juru artisti jirrekordjaw fi djarhom u joħolqu relazzjoni aktar personali mal-udjenzi tagħhom. Id-diġitalizzazzjoni għamlet ukoll il-mużika aktar aċċessibbli għall-gruppi emarġinati jew vulnerabbli.
Din is-sensiela ta’ intervisti, bit-titolu “Il-COVID ma jistax ixejjen il-kreattività”, tesplora kif is-settur adatta għall-miżuri restrittivi tas-saħħa pubblika li ġew imposti minħabba l-COVID-19 permezz tal-użu intelliġenti tad-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, kif il-pandemija aċċellerat id-diġitalizzazzjoni fis-settur tal-mużika, u kif l-innovazzjoni tista’ tiġi sfruttata wara l-pandemija. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-benefiċċji li s-settur mużikali qiegħed igawdi mid-diġitalizzazzjoni.
Il-proġett huwa inizjattiva konġunta tat-tliet gruppi tal-KESE (il-Grupp ta’ Min Iħaddem, il-Grupp tal-Ħaddiema, u l-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili), il-proġett se juri kemm hija kruċjali l-kultura, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi, u kif l-appoġġ lis-settur u l-għajnuna sabiex dan is-settur jibqa’ ħaj huma essenzjali għas-soċjetà tagħna, u li l-kultura se taqdi rwol fundamentali biex l-irkupru jingħata spinta.
Is-sensiela “Il-COVID mhux se jxejjen il-kreattività” se titnieda uffiċjalment fis-26 ta’ Ottubru. Tista’ tara l-filmati HAWNHEKK. (ck)