European Economic
and Social Committee
Ir-rappreżentanti tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, tal-Grupp tal-Ħaddiema u ta’ Diversità Ewropa tal-KESE jagħżlu l-mexxejja l-ġodda tagħhom
It-tliet gruppi ta’ interess li jiffurmaw il-KESE ħatru l-presidenti l-ġodda tagħhom għall-mandat il-ġdid fil-jum tal-ftuħ tas-sessjoni plenarja inawgurali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Il-presidenti l-ġodda tal-Gruppi huma:
- Stefano Mallia għall-Grupp ta’ Min Iħaddem
- Oliver Röpke għall-Grupp tal-Ħaddiema
- Séamus Boland għall-Grupp Diversità Ewropa.
Dawn se jibqgħu fil-kariga għas-sentejn u nofs li ġejjin sal-2023.
Il-votazzjoni seħħet matul il-laqgħat kostituttivi tal-Gruppi li saru b’mod parallel għall-plenarja.
Stefano Mallia ilu membru tal-KESE sa mill-2010. L-enfasi ċara tal-presidenza tiegħu tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE se tkun l-għajnuna lin-negozji biex jissuperaw il-kriżi tal-COVID-19 u jibnu rkupru msejjes fuq it-tagħlimiet ibsin li slitna f’dawn l-aħħar xhur. Prijoritajiet oħrajn se jinkludu t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar nadifa, li trid issir b’mod ekonomikament sostenibbli, u d-diġitalizzazzjoni. Is-Sur Mallia jenfasizza li l-KESE u l-Grupp ta’ Min Iħaddem għandhom ikunu msieħba naturali tal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mad-diskussjoni dwar l-ekonomija Ewropea. Is-Sur Mallia huwa msieħeb tal-kumpanija tal-analiżi ekonomika u konsulenza tan-negozji, EMCS Ltd, u eks President tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija. L-oqsma ta’ kompetenza tiegħu jinkludu l-Fondi Strutturali tal-UE u l-finanzjament tal-SMEs.
Oliver Röpke diġà kien president u ġie elett għall-ewwel darba f’nofs il-mandat li għadda biex issostitwixxa lil Gabriele Bischoff meta saret MEP fl-2019. Membru tal-Federazzjoni Awstrijaka tat-Trade Unions ÖGB, li jirrappreżentaha fil-kumitat eżekuttiv tal-KETU, ilu jservi fil-KESE mill-2009, u ppreżenta Opinjonijiet dwar kwistjonijiet soċjali kruċjali bħall-pagi minimi deċenti u l-istandards minimi komuni fil-qasam tal-benefiċċji tal-qgħad. Is-Sur Röpke huwa impenjat għal strateġija b’saħħitha tal-UE għall-irkupru soċjali u l-bini mill-ġdid biex jiġi indirizzat l-impatt tal-COVID-19, filwaqt li jiffoka fuq is-solidarjetà u aġenda soċjali b’miżuri li jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema.
Il-faqar u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġġilduh se jkun il-punt fokali tal-ewwel mandat ta’ Séamus Boland bħala president tal-Grupp Diversità Ewropa, li jiġbor flimkien varjetà wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-President il-ġdid irid jindirizza l-kwistjoni fil-kuntest usa’ tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-impatt tal-COVID-19 fuq is-soċjetà. Bidwi u attur tas-soċjetà ċivili għal żmien twil, is-Sur Boland huwa l-uffiċjal kap eżekuttiv tal-Irish Rural Link, membru tal-bord ta’ Inland Fisheries Ireland u l-president ta’ Peatlands Council. Huwa ilu membru tal-KESE mill-2011 u relatur ta’ diversi Opinjonijiet tal-KESE b’rabta mal-agrikoltura, l-iżvilupp rurali, l-enerġija, l-affarijiet soċjali u l-Brexit.
Għal aktar informazzjoni żur il-paġni tal-Gruppi:
Stefano Mallia jassumi r-rwol bħala president tal-Grupp ta’ Min Iħaddem
Oliver Röpke se jissokta bħala President tal-Grupp tal-Ħaddiema matul il-mandat il-ġdid tal-KESE
Séamus Boland mill-Irlanda huwa l-President il-ġdid tal-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE