Il-vjolenza kontra n-nisa trid tiġi rikonoxxuta bħala reat tal-UE

Matul il-plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iddiskuta l-abbozz ta’ direttiva tal-Kummissjoni li jindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma’ Cristina Fabre mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.

Fl-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea żiedet l-isforzi tagħha biex tippromovi u tintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa. Minkejja dawn l-isforzi, il-vjolenza kontra n-nisa tibqa’ l-iktar ksur komuni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa, b’terz tan-nisa kollha jkunu vittmi tal-vjolenza.

Hija u tiftaħ id-dibattitu, il-President tal-KESE Christa Schweng iddikjarat li “bħala leħen is-soċjetà ċivili, il-KESE huwa impenjat għal soċjetà iktar ugwali mil-lat tal-ġeneru u li tinkiseb Unjoni ħielsa mill-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet”.

Cristina Fabre, mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, semmiet l-impatt ekonomiku tal-inugwaljanzi: “Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri ttejjeb l-ekonomija tagħna. Il-PDG per capita għandu l-potenzjal li jiżdied minn 6,9 % għal 9,6 % jekk niżguraw drittijiet ugwali għan-nisa u l-bniet”.

José Antonio Moreno Diaz, relatur tal-Opinjoni dwar il-proposta reċenti għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, iddiskuta kif l-UE tista’ tiġġieled din l-epidemija ta’ vjolenza kontra n-nisa: “Il-vjolenza kontra n-nisa hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk nappellaw biex din tiġi inkluża fil-lista ta’ reati tal-UE skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE”. Il-Kumitat jargumenta li l-problemi soċjali ma jissolvewx biss permezz tas-sistema ġudizzjarja u li l-kastig m’għandux ikun l-uniku mezz ta’ azzjoni. “Irridu niżguraw l-aċċess tal-vittmi għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, inklużi s-servizzi relatati mas-saħħa sesswali u dik riproduttiva”, spjegat il-korelatur Ody Neisingh. “Is-sistema trid tinbidel, mhux in-nisa.”

Fuq talba tal-Presidenza Ċeka, waqt is-sessjoni plenarja ġiet adottata wkoll opinjoni separata dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Ir-relatur tal-KESE, Milena Angelova, iddikjarat li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tirrikjedi rikonoxximent, sjieda u impenn kostanti mill-partijiet interessati kollha fis-soċjetà. “Irridu nibnu kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja kollha, li tinkludi l-istadji u l-oqsma kollha tal-ħajja”, qalet is-Sinjura Angelova. (gb)