Pjan direzzjonali tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża: il-KESE jistieden lill-Istati Membri jaġixxu b’unità u ċertezza

F’Opinjoni ġdida, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja bis-sħiħ l-objettivi tal-Pjan direzzjonali Ewropew dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża, li huwa partikolarment f’waqtu fid-dawl tal-gwerra fl-Ukrajna.  

Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-KESE adotta Opinjoni dwar il-Pjan direzzjonali Ewropew dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża. Filwaqt li, b’mod ġenerali, jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni bħala inizjattiva tajba, li kapaċi taġixxi u tirrispondi għal diversi kriżijiet u sfidi ġeopolitiċi, il-KESE madankollu enfasizza li l-Kummissjoni għandha tinvesti aktar f’sinerġiji orizzontali u vertikali bejn l-Istati Membri.

L-ewwel u qabel kollox, il-KESE jemmen li approċċ komprensiv li jkopri l-linja li tiddividi l-qasam ċivili minn dak militari u jgħaqqad il-livelli tal-UE u dawk nazzjonali għandu jiġi adottat malajr kemm jista’ jkun. L-invażjoni tal-Ukrajna hija twissija, li turina li jeħtieġ naġixxu ferm aktar malajr mis-soltu.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-aspetti tekniċi, l-Opinjoni tissuġġerixxi li s-sejbiet tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi għandhom jiġu inkorporati fil-pjani direzzjonali. It-tranżizzjoni bejn il-fażijiet differenti taċ-ċiklu tat-teknoloġija u dak industrijali tista’ tiġi ġestita b’suċċess biss jekk ikunu ċari s-sjieda ta’ inizjattiva u r-responsabbiltajiet.

Fl-istess waqt, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jiżguraw li r-reazzjonijiet immedjati tagħhom fir-rigward tal-aggressjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna huma konformi mal-kontenut u l-objettivi tal-pjan direzzjonali, li huwa sforz fit-tul. L-investimenti nazzjonali għad-difiża fuq medda qasira ta’ żmien iridu jiġu kkoordinati fil-livell Ewropew biex jiġu evitati aktar frammentazzjoni u duplikazzjoni.

Il-KESE jipproponi wkoll li jiġi stabbilit punt uniku ta’ servizz online għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u għan-negozji l-ġodda, “Rokna għall-SMEs tal-UE” online, fejn in-negozji jkunu jistgħu jdaħħlu data definita minn qabel u min-naħa tagħhom jirċievu informazzjoni mfassla apposta dwar liema programm(i) Ewropew jistgħu jappoġġjawhom bl-aħjar mod. (ks)