Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timplimenta minnufih l-Istrateġija l-ġdida tagħha dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, filwaqt li tindirizza l-impatt dannuż fuq il-ġeneru tal-pandemija tal-COVID-19, li aggaravat aktar l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi eżistenti bejn il-ġeneri, filwaqt li żdiedu wkoll il-vjolenza kontra n-nisa u l-forom differenti ta’ diskriminazzjoni kontrihom.

“Bir-riżultat tal-COVID-19, in-nisa qegħdin dejjem aktar f’riskju ta’ vjolenza, faqar, u forom differenti ta’ diskriminazzjoni u dipendenza ekonomika. L-Istrateġija għandha tiġi implimentata mingħajr dewmien, sabiex in-nisa ma jibqgħux iħallsu l-prezz tal-pandemija”, qalet Giulia Barbucci, relatur tal-Opinjoni tal-KESE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE sostna li l-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura li l-Istrateġija tqis ir-riperkussjonijiet negattivi tal-kriżi fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li l-perspettiva tal-ġeneru tkun inkorporata fil-miżuri ta’ rkupru tal-Istati Membri kollha.

Il-korelatur tal-Opinjoni, Indrė Vareikytė, enfasizzat ir-rwol importanti li għandha l-midja li toħloq u tipperpetwa sterjotipi li jwasslu għal preġudizzju kontra n-nisa u jkomplu jżidu l-inugwaljanzi.

Hija qalet li l-KESE qiegħed jappella sabiex jiġi inkluż fokus tematiku ġdid – midja u reklamar – fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri ppubblikat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE). Għaldaqstant, il-midja għandha tadotta kodiċijiet ta’ kondotta u miżuri oħra li jipprojbixxu s-sessiżmu u jżarmaw l-isterjotipi.(II)