It-tisħin globali: il-KESE jappella għal miżuri fiskali ġodda sabiex jitnaqqas is-CO

Taxxi ġodda u miżuri addizzjonali fuq l-emissjonijiet tas-CO2 ser jgħinu, iżda mhux ser ikunu biżżejjed: it-tisħin globali jidher li ser ikompli sakemm l-emissjonijiet eżistenti tas-CO2 ma jitneħħewx mill-atmosfera. F’Opinjoni abbozzata minn Krister Andersson u adottata waqt is-sessjoni plenarja ta’ Lulju, il-Kumitat enfasizza l-fatt li hemm bżonn ta’ sistema ġdida fejn l-emissjonijiet tas-CO2 ma jkunux biss intaxxati u għalhekk skoraġġuti, iżda l-emissjonijiet li diġà huma fl-atmosfera jistgħu jitneħħew, maħżuna u użati għal skopijiet oħra.

F’kumment waqt il-plenarja, is-Sur Andersson qal li huwa importanti li tintuża t-tassazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa fir-rigward tan-newtralità klimatika, iżda hemm bżonn ta’ għodod addizzjonali. Ikun effiċjenti li, apparti li nkunu nistgħu nnaqsu l-emmissjonijiet tas-CO2, inkunu nistgħu nneħħu wkoll is-CO2 mill-atmosfera. Huwa għal din ir-raġuni li qed nappellaw għal approċċ simmetriku ta’ tassazzjoni abbażi ta’ din l-istrateġija: l-introjtu fiskali mit-taxxi tas-CO2 jista’ jintuża biex jitħallsu l-attivitajiet li jneħħu s-CO2 mill-atmosfera.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li permezz ta’ investimenti apposta, jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda fil-livell nazzjonali u tal-UE, li jippermettu kemm il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju kif ukoll il-ġbir u l-użu tad-diossidu tal-karbonju. Dawn il-miżuri jkunu pass ulterjuri biex jitnaqqas l-impatt tal-emissjonijiet tas-CO2, u b’hekk ikun hemm konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. (mp)