Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta riżoluzzjoni dwar il-kontribut tiegħu għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju. Id-dokument jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19 u jqis li s-sena d-dieħla hija opportunità għall-bini mill-ġdid u għat-titjib tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE.

Ir-riżoluzzjoni adottata mill-KESE tilqa’ u tappoġġja bis-sħiħ il-pjan Next Generation EU u l-baġit ġenerali tal-UE għall-2021-2027 proposti mill-Kummissjoni Ewropea u jesprimi t-tama li dawn se jiġu estiżi “kompletament u b’mod konkret” fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021.

Il-Kumitat fassal il-proposti speċifiċi tiegħu għall-programm ta’ ħidma għall-2021 skont il-linji ta’ prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni.

Fil-fehma tal-membri tal-KESE, il-programm ta’ ħidma għandu jiffoka fuq “ir-ristrutturar u t-titjib tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna”, abbażi tal-prinċipji li ġejjin: “il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali, il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt, l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku, l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs); il-ħolqien ta’ ekonomija ċirkolari u l-kisba tan-newtralità klimatika fl-UE sa mhux aktar tard mill-2050, u l-iżgurar ta’ governanza tajba u responsabbiltà demokratika.”