Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Minħabba l-urġenza estrema biex jiġu indirizzati l-effetti ekonomiċi tal-kriżi tal-coronavirus, il-Grupp ta’ Min Iħaddem sejjaħ għal miżuri rapidi u ambizzjużi f’ittra mibgħuta lill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern kollha Ewropej. Huwa biss permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li l-miżuri ta’ rkupru u ta’ rikostruzzjoni jkunu jistgħu jikkontribwixxu għas-suċċess fit-tul tal-UE, inklużi ċ-ċittadini u n-negozji tagħha.

L-ittra appellat għal ftehim rapidu u li jħares ’il quddiem dwar il-baġit ta’ rkupru. Dan tqies speċjalment importanti wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fid-19 ta’ Ġunju, fejn ħareġ fid-dieher nuqqas ta’ qbil konsiderevoli bejn l-Istati Membri. L-ittra ntbagħtet ukoll lill-president tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, lill-president tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u l-president tal-Parlament Ewropew, David Sassoli.

Id-dokument ta’ pożizzjoni tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE In-negozju huwa kruċjali għall-irkupru tal-UE mill-kriżi tal-coronavirus akkumpanja l-ittra lill-membri tal-Kunsill Ewropew. Dan id-dokument jippreżenta l-miżuri li jridu jittieħdu sabiex jiġu salvati u rkuprati n-negozji u l-impjiegi. Il-biċċa l-kbira tal-ekonomija tal-UE hija involuta fl-immaniġġjar tal-kriżi u n-negozji tal-UE se jsibu ruħhom f’aktar diffikultà jekk ma jiġux appoġġjati b'mod adegwat, eż. billi jingħataw appoġġ fuq perjodu qasir ta’ żmien (likwidità), jissaħħaħ is-suq intern, jiġi evitat tfixkil gravi għall-opportunitajiet indaqs u l-iżgurar tal-kompetittività globali tal-Ewropa.

In-negozji li jirnexxilhom jirkupraw tajjeb u jkollhom suċċess huma essenzjali għall-irkupru tal-ekonomija tal-UE. Il-ftehim dwar il-fond ta’ rkupru huwa d-deċiżjoni rapida li ġeneralment il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE kien qed jappella għaliha. Il-fondi tal-Pakkett ta’ Rkupru issa jridu jaslu għand il-kumpaniji u l-SMEs tagħna kemm jista’ jkun malajr u mingħajr burokrazija żejda. Huwa biss permezz ta’ intraprenditorija privata li nistgħu nerġgħu niskattaw l-ekonomija tagħna. (kr)