Il-KESE se jagħti l-Premju ta’ Solidarjetà Ċivili lil proġetti li qed jiġġieldu l-coronavirus f’kull Stat Membru u fir-Renju Unit

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) nieda Premju ta’ Solidarjetà Ċivili biex jippremja inizjattivi mwettqa minn individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kumpaniji li huma proprjetà privata fl-UE u fir-Renju Unit fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u biex jitnaqqas l-impatt tal-iskossi devastanti tagħha.

Il-KESE se jagħti sa 29 premju ta’ EUR 10 000 kull wieħed. Hemm 27 premju disponibbli għal proġetti implimentati fl-Istati Membri, premju ieħor għal applikazzjoni mir-Renju Unit u ieħor għal proġett b'fokus transfruntier jew Ewropew.

Il-Premju ta’ Solidarjetà Ċivili, maħsub bħala premju ta’ darba li jieħu post il-premju tal-KESE, jiġifieri l-Premju tas-Soċjetà Ċivili, se jonora inizjattivi li taw kontribut eċċezzjonali lejn l-indirizzar tal-emerġenza tal-COVID-19 u l-ħafna konsegwenzi tagħha, u għaldaqstant qed isaħħu s-solidarjetà Ewropea.

Permezz ta’ dan il-premju, il-KESE jixtieq jonora lil dawk il-persuni kollha li ġġieldu kontra l-coronavirus, u wrew kuraġġ, impenn u sens ta' responsabbiltà tal-għaġeb.

Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti jridu jkunu residenti jew stabbiliti fl-UE jew fir-Renju Unit. Minkejja l-fatt li r-Renju Unit issa qed titlaq mill-UE, billi jiġu inklużi kandidati minn dan l-ex Stat Membru fost dawk eliġibbli għall-premju, il-KESE jixtieq juri li mhux beħsiebu jikser ir-rabtiet mas-soċjetà ċivili f'dan l-eks-Stat Membru u li, għall-kuntrarju, jixtieq iżomm relazzjonijiet mill-qrib.

Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet hija 12 p.m. tat-30 ta' Settembru 2020. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premji se ssir matul is-sessjoni plenarja tal-KESE f'Jannar 2021, fi Brussell.

Aktar informazzjoni dwar kif għandek tapplika hija disponibbli hawn.