European Economic
and Social Committee
Iż-żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent jeħtieġu politiki tanġibbli għall-futur tagħhom
Il-parteċipanti fis-seduta “Il-Politika taż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, bħala parti mill-Aġenda ta’ Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent”, li saret mill-KESE, affermaw mill-ġdid l-importanza taż-żgħażagħ għall-futur tar-reġjun. Huma indikaw ukoll il-problema tal-“eżodu tal-imħuħ” u kif it-trasformazzjoni ta’ dan f’“ċirkolazzjoni tal-imħuħ” tista’ tistimula t-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku fil-Balkani tal-Punent.
Il-membru tal-KESE, Dragica Martinović Džamonja qalet: “Iż-żgħażagħ huma riżorsa vitali għall-iżvilupp u fattur essenzjali għall-paċi u l-istabbilità.”
B’mod simili, Andrej Zorko, huwa wkoll membru tal-KESE, qal: “Iż-żgħażagħ m’għandhomx ikunu s-suġġett ta’ proġett, iżda jridu jkunu komponent attiv tal-proċess tat-tfassil tal-politika.”
Dafina Peci, Direttur ta’ Tirana Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 enfasizzat l-importanza taż-żgħażagħ u l-orgnizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, billi tat bħala eżempju l-ħidma tal-Pjattaforma taż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent, li ilha attiva għal xi snin fis-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.
L-eżodu tal-imħuħ jista’ jinbidel f’kisba ta’ mħuħ
Edukazzjoni mhux adegwata, in-nuqqas ta’ ħiliet, kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u opportunitajiet limitati ma jistgħux jiggarantixxu futur prosperuż għaż-żgħażagħ.
Albert Hani, Segretarju Ġenerali tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ, qal li medja ta’ 52% taż-żgħażagħ jixtiequ jgħixu barra mir-reġjun. “Jekk il-gvernijiet se jippreswadu liż-żgħażagħ jibqgħu d-dar, iridu juru li huma impenjati favur il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet taż-żgħażagħ,” huwa qal.
Milica Škiljević, manager ta’ proġetti fl-Iskola Miftuħa ta’ Belgrad, semmiet in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-prospetti għall-karriera u għall-impjieg.
Ognjen Marković, Kap ta’ tim fi ħdan il-Team Leader fil-Western Balkans Youth Lab Project fi ħdan il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, spjega l-valur miżjud tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ billi dawn jistgħu joffru għarfien espert, sakemm jitqiegħdu f’pożizzjoni indaqs ma’ dawk li jfasslu l-politika.
L-inizjattiva tal-Garanzija taż-Żgħażagħ għall-Balkani tal-Punent, flimkien man-networks taż-żgħażagħ u l-partijiet interessati nazzjonali, tista’ timmarka l-bidu ta’ proċess ta’ riforma, u b’hekk issaħħaħ l-impjegabbiltà fost il-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa tar-reġjun. (at)