European Economic
and Social Committee
L-irkupru se jirnexxi biss jekk is-soċjetà ċivili Ewropea tkun involuta b’mod sistematiku
Il-KESE adotta Riżoluzzjoni ġdida dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fil-fatt, minn konsultazzjoni reċenti ħareġ fid-dieher li, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa stabbilit fir-regolamentazzjoni, is-soċjetà ċivili organizzata mhijiex involuta biżżejjed f’dawn il-pjani.
Il-Kumitat jappella għal regoli ċari biex dan jiġi rimedjat b’mod effettiv, u biex l-ekonomija terġa’ lura fit-triq it-tajba. Matul id-dibattitu dwar l-adozzjoni ta’ din ir-Riżoluzzjoni, il-President tal-KESE Christa Schweng irrimarkat li l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fir-riformi stabbiliti fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza huwa essenzjali għat-titjib tal-kwalità, it-trasparenza u l-implimentazzjoni ta’ politiki ġodda. Gonçalo Lobo Xavier, Viċi President tal-Grupp ad hoc dwar is-Semestru Ewropew, qasam uħud mill-konklużjonijiet ewlenin tal-konsultazzjoni.
“B’mod ġenerali, il-kontenut finali tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza huwa vvalutat b’mod pożittiv mis-soċjetà ċivili organizzata. Madankollu, id-dimensjoni soċjali ħafna drabi mhijiex żviluppata biżżejjed", huwa rrimarka. Il-President tal-GSE,Javier Doz Orrit, ippreżenta r-rakkomandazzjonijiet ewlenin. Huwa stieden ukoll lill-Istati Membri “jikkonformaw b’mod urġenti mar-regoli stabbiliti fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza”, u lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament biex jinfurzaw dan. Il-Viċi President tal-GSE, Luca Jahier, qasam xi prattiki tajbin, u qal li li “n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni effettiva u ta’ kwalità tas-soċjetà ċivili organizzata fil-governanza ekonomika tal-UE mhux se tiġi solvuta mingħajr riforma tas-Semestru Ewropew”.
Valdis Dombrovskis, Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, li ħa sehem ukoll fid-dibattitu, enfasizza l-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq l-irkupru ekonomiku globali u l-UE, u l-miżuri meħtieġa biex dan l-impatt jiġi assorbit u biex nimxu ’l quddiem. (tk)