Għeżież Qarrejja,

Huwa bi pjaċir kbir li qed nindirizzakom bħala l-President il-ġdid elett tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Nixtieq nestendi x-xewqat tiegħi lilkom kollha u nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-ħidma imprezzabbli li jagħmlu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kuljum biex itejbu s-soċjetajiet tagħna.

Hekk kif l-Ewropa qed tinnaviga l-konsegwenzi tal-pandemija u tiffaċċja l-gwerra ta’ aggressjoni fl-Ukrajna, huwa aktar importanti minn qatt qabel li nħarsu l-valuri tagħna tal-UE: id-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt. Il-manifest politiku tiegħi jenfasizza s-sinifikat ta’ dawn il-prinċipji u jfassal triq ’il quddiem għal UE aktar reżiljenti, aktar inklużiva u aktar demokratika li tispira lill-ġirien tagħna qrib u ’l bogħod.

Fil-qalba tal-viżjoni tiegħi hemm it-twemmin li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma l-pedament tad-demokraziji tagħna. Intom ir-rabta vitali bejn il-membri tal-pubbliku u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, intom li tressqu t-tħassib u l-aspirazzjonijiet tagħhom lejn politiki għal futur aħjar għall-Ewropa. Il-KESE huwa impenjat li jiffaċilita d-djalogu u jiżgura li l-vuċijiet tagħkom jinstemgħu fl-ogħla livelli tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Dawk il-vuċijiet se jsiru ħafna aktar importanti bl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin fl-2024. F’dan il-kuntest, irrid li l-KESE jieħu rwol aktar attiv bi tħejjija għall-elezzjonijiet biex jinvolvi ruħu mal-votanti u jżid il-parteċipazzjoni tagħhom. L-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili – l-appoġġ tagħkom – se jkun tal-akbar importanza.

Ma ninsewx li d-deċiżjonijiet tal-lum qed jittieħdu biex jinbena futur b’saħħtu u ġust għall-ġenerazzjonijiet futuri. Se nistinka biex nagħmel il-KESE post fejn iż-żgħażagħ jistgħu jesprimu liberament it-tħassib, l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom, u fejn il-kontribuzzjonijiet tagħhom jiġu vvalutati u tittieħed azzjoni fuqhom.

Hekk kif qed niffaċċjaw sfidi kumplessi fix-xena internazzjonali, nemmen li huwa kruċjali li niftħu l-bibien tal-KESE għall-ġirien tagħna fis-Sħubija tal-Lvant u l-Balkani tal-Punent. Il-futur tal-Unjoni Ewropea huwa marbut sew mal-istabbiltà u l-prosperità ta’ dawk ir-reġjuni, u rridu nirrikonoxxu dan. Billi jaġixxi bħala portal ġenwin tas-soċjetà ċivili għal dawn il-pajjiżi, irrid li l-KESE jgħinhom u jagħtihom il-mezzi biex jiġġieldu għal-libertà, id-demokrazija, u integrazzjoni aktar mill-qrib.

Jien impenjat li namplifika l-vuċijiet tas-soċjetà ċivili matul il-mandat tiegħi bħala President tal-KESE. Inħeġġiġkom taħtfu l-opportunità u tinvolvu ruħkom b’mod attiv mal-KESE u l-inizjattivi tagħna. Flimkien, nistgħu nnaqqsu d-distakk bejn il-pubbliku u l-istituzzjonijiet, billi niżguraw li l-politiki tal-UE jkollhom l-għeruq fil-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet reali tan-nies.

Flimkien, nistgħu niddefendu d-demokrazija tagħna u nitkellmu favur l-Ewropej.

Oliver Röpke
President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew