Jinbidlu l-mexxejja ewlenin kollha tal-KESE għat-tieni nofs tal-mandat tiegħu, li jibda minn April 2023 sa Settembru 2025
Minbarra l-President, iż-żewġ Viċi Presidenti u l-Bureau, il-KESE ħatar ukoll presidenti ġodda għas-sitt Sezzjonijiet tiegħu (SOC, ECO, INT, NAT, TEN u REX), u għall-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI).
Il-President u ż-żewġ Viċi Presidenti jiġu eletti b’maġġoranza sempliċi matul is-sessjoni inawgurali tal-Assemblea. Huma jintgħażlu minn kull wieħed mit-tliet gruppi tal‑KESE (il‑Grupp ta’ Min Iħaddem, il‑Grupp tal‑Ħaddiema u l-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili) b’rotazzjoni, għal mandat ta’ sentejn u nofs.
Il-President huwa responsabbli għall-funzjonament tajjeb tal-attivitajiet tal-Kumitat, u jirrappreżenta lill-KESE fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra.
Iż-żewġ Viċi Presidenti – eletti miż-żewġ gruppi li l-President ma jkunx jappartjeni għalihom – huma responsabbli għall-komunikazzjoni u l-baġit rispettivament.
Il-Bureau huwa l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet politiċi fil-KESE. Il-kompitu ewlieni tiegħu huwa li jistabbilixxi l-objettivi, l-istrateġiji u l-prijoritajiet tal-KESE fl-oqsma kollha u li jiddetermina l-programm ta’ ħidma tiegħu. Il-Bureau huwa magħmul mill-President, miż-żewġ Viċi Presidenti, mill-presidenti tat-tliet Gruppi, mill-presidenti tas-Sezzjonijiet u tas-CCMI, u jinkludi wkoll għadd varjabbli ta’ membri li ma jaqbiżx l-għadd ta’ Stati Membri.
Il-KESE huwa magħmul minn 329 membru mis-27 Stat Membru. Dawn jiġu nominati mill-gvernijiet nazzjonali u jinħatru mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal perjodu ta’ ħames snin. Huma mbagħad jaħdmu b’mod indipendenti fl-interess taċ-ċittadini kollha tal-UE. Dawn il-membri mhumiex politiċi iżda impjegaturi, trejdjunjonisti u rappreżentanti ta’ setturi tas-soċjetà differenti, bħall-biedja, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u dawk ambjentali, l-ekonomija soċjali, l-SMEs, il-professjonisti, u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà, is-settur tal-volontarjat, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iż-żgħażagħ, il-qasam akkademiku u oħrajn. (ll/dm)