Il-President iwiegħed li se jagħmel lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew l-istituzzjoni ta’ għażla għad-djalogu demokratiku u jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pajjiżi ta’ adeżjoni mal-UE.

Il-KESE ħatar lill-Awstrijak Oliver Röpke bħala l-34 president fil-65 sittin sena ta’ storja tiegħu. Eks kap tal-uffiċċju ta’ Brussell tal-Federazzjoni Awstrijaka tat-Trade Unions (ÖGB) u l-aktar President reċenti tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE, is-Sur Röpke se jmexxi l-korp tal-UE li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata għas-sentejn u nofs li ġejjin.

Il-membru Pollakk Krzysztof Pater u l-membru Rumen Aurel Laurenţiu Plosceanu jingħaqdu miegħu fit-tmexxija tal-KESE bħala Viċi President għall-baġit u bħala Viċi President għall-Komunikazzjoni rispettivament. Bit-tiġdid tal-presidenza tal-KESE f’nofs il-mandat, is-Sur Röpke se jkompli fejn ħalliet il-kompatrijotta tiegħu Christa Schweng, li mexxiet il-Kumitat fl-ewwel nofs tal-mandat 2020–2025.

Bħala promotur tad-drittijiet tal-ħaddiema, is-Sur Röpke huwa determinat li jikkonsolida r-rwol tal-KESE bħala forum għal djalogu bejn firxa wiesgħa ta’ atturi, u jaqdi rwol ewlieni fit-tiswir tal-politiki tal-UE u biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett tal-UE.

Matul il-mandat li jmiss, se nsaħħaħ ir-rwol uniku tal-KESE bħala interfaċċa bejn iċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE, u naġixxi bħala pjattaforma reali għal dibattitu onest u inklużiv. Se nkun f'kuntatt mal-imsieħba tagħna fil-Balkani tal-Punent u fil-viċinat tal-Lvant biex inrawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib, u f'kuntatt maż-żgħażagħ biex niżguraw li qed nibnu l-futur li jixtiequ jgħixu fih – inklużiv, prosperu u demokratiku”, qal il-President.

Għall-presidenza tiegħu, is-Sur Röpke għażel il-motto “Niddefendu d-demokrazija, insemmgħu leħinna favur l-Ewropa”. L-erba’ pilastri tal-programm tiegħu – il-Manifest – jinkorporaw il-viżjoni tiegħu ta’ Ewropa aktar soċjali u rappreżentattiva li tilħaq ukoll lill-ġirien tagħha biex tgħinhom iwittu t-triq lejn futur aktar stabbli u paċifiku. Il-pilastri huma d-difiża tad-demokrazija f’darna stess u lil hinn minna u li nsemmgħu leħinna favur l-Ewropa billi nagħmlu l-KESE aktar rappreżentattiv; u billi nsaħħu l-kwalità tas-sensibilizzazzjoni tal-KESE u tal-ħidma li tħares ’il quddiem tiegħu.

Il-manifest jinkludi lista ta’ azzjonijiet li l-President il-ġdid beħsiebu jimplimenta matul il-mandat tiegħu. Fost l-oħrajn, dawn jinkludu l-ħatra ta’ membri onorarji tat-tkabbir mill-pajjiżi tal-adeżjoni mal-UE biex jinvolvuhom fil-ħidma konsultattiva ta’ kuljum tal-KESE, u parteċipazzjoni robusta tal-KESE f’kampanji u attivitajiet biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. L-enfasi se tkun ukoll fuq l-involviment taċ-ċittadini, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, fl-UE permezz ta’ panels taċ-ċittadini u forom oħra ta’ parteċipazzjoni. (ll)