L-Unjoni Ewropea għandha obbligu li tiddefendi l-valuri fundamentali tagħna, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Għal din ir-raġuni, il-KESE appoġġja bis-sħiħ l-istabbiliment tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija fil-plenarja tiegħu ta’ Marzu.

Il-KESE huwa konvint li l-antisemitiżmu huwa test tal-idea Ewropea, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija, jispjega r-relatur Ákos Topolánszky.

Il-Kumitat ifaħħar l-istrateġija li għandha l-għan mhux biss li tindirizza l-antisemitiżmu, iżda wkoll li tippromovi l-ħajja Lhudija, u li tistabbilixxi politiki pubbliċi u kooperazzjoni fil-livell komunitarju għall-promozzjoni tal-aċċettazzjoni reċiproka.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu mifhuma l-għeruq u l-kawżi tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra l-persuni u l-komunitajiet Lhud, sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni effettiva mhux biss permezz tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, iżda wkoll permezz ta’ sistema aktar effettiva ta’ azzjoni mill-komunità u s-soċjetà. 

Barra minn hekk, bħala parti integrali mill-identità Ewropea, il-kultura Lhudija għandha ssir aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-pubbliku inġenerali. Il-Kumitat jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex jippreżentaw u jiċċelebraw kif imiss ir-rwol tal-komunità Lhudija fl-UE bħala parti integrali u inaljenabbli ta’ kultura komuni.

Il-Kumitat jemmen li l-istrumenti kostituzzjonali u legali tal-UE kollha għandhom jintużaw b’mod sistematiku biex jiġġieldu l-kontenut antisemitiku fil-midja, u l-għarfien u l-fehim tal-ħajja Lhudija għandhom jittejbu permezz ta’ rapportar aktar bilanċjat u sensittiv. 

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-rappreżentanza tal-komunitajiet Lhud u tal-membri tagħhom fil-midja tradizzjonali u soċjali hija limitata ħafna, u tiffoka primarjament fuq l-impatt tal-vjolenza u t-terroriżmu antisemitiċi. Madankollu, hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi ppreżentat kontenut pożittiv lil hinn minn dan kollu bħala rikonoxximent tal-importanza tal-koeżistenza soċjali. 

Fl-aħħar nett, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tagħti lill-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u lill-aġenda strateġika favur il-promozzjoni tal-ħajja Lhudija dimensjoni esterna b’saħħitha, fl-aspetti kollha tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-politika tal-viċinat tagħna u l-istrumenti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll l-istrumenti biex il-pajjiżi kandidati tal-UE jitqarrbu lejn l-UE, bħala mekkaniżmi adatti għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u l-promozzjoni tal-ħajja Lhudija. (gb)