European Economic
and Social Committee
Il-KESE jiddiskuti l-prijoritajiet tal-Presidenza Ċeka tal-UE u t-taħlita tal-enerġija t-tajba għall-futur tal-Ewropa
Mikuláš Bek, il-Ministru Ċek għall-Affarijiet Ewropej, żvela l-ħames prijoritajiet politiċi li aktarx se jkollha l-Presidenza Ċeka li jmiss tal-Kunsill tal-UE, f’diskors lill-membri tal-KESE li sar fi Praga fit-28 ta’ April 2022.
Is-Sur Bek żvela l-prijoritajiet politiċi mistennija tal-Presidenza Ċeka waqt laqgħa tal-Bureau tal-KESE, u saħaq li l-enfasi ser tkun fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali iżda wkoll, fid-dawl tal-avvenimenti reċenti, fuq is-sigurtà.
Bil-motto “L-Ewropa bħala kompitu”, meħud minn diskors tal-Kap tal-Istat Ċek Václav Havel f’Aachen, il-presidenza Ċeka tal-UE ser tiffoka fuq:
1) il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati u l-irkupru fl-Ukrajna;
2) is-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa;
3) it-tisħiħ tal-kapaċità tad-difiża Ewropea u tas-sigurtà taċ-ċiberspazju;
4) ir-reżiljenza strateġika tal-ekonomija Ewropea;
5) ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi.
B’referenza għall-iżviluppi fil-kriżi fl-Ukrajna, huwa qal li “l-iżgurar ta’ aċċess għal sorsi tal-enerġija affordabbli, sostenibbli iżda wkoll affidabbli ser ikun wieħed mill-akbar sfidi li l-UE qatt iffaċċjat”.
Fid-dibattitu, il-membri tal-KESE ħeġġew lill-ministru biex iżid l-appoġġ tal-UE u tal-gvernijiet nazzjonali lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u qalu li dawn l-organizzazzjonijiet jinsabu fil-linja ta’ quddiem fil-kriżi umanitarja li ġabet magħha l-invażjoni Russa fl-Ukrajna u għandhom bżonn appoġġ prattiku urġenti.
Is-solidarjetà Ewropea kienet element ewlieni ieħor fid-diskussjoni: il-membri enfasizzaw li jkun possibbli biss li jitwaqqfu l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja jekk l-Istati Membri kollha tal-UE jingħaqdu flimkien u jaqsmu bejniethom is-sorsi tal-enerġija disponibbli.
Diversi kelliema wissew ukoll kontra nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-aspetti soċjali matul il-presidenza Ċeka tal-Kunsill fit-tieni nofs tal-2022. Biż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, il-faqar qed jiżdied u qed jhedded il-koeżjoni soċjali.
F’seminar li sar bħala parti mill-avveniment, dwar “Taħlita tal-enerġija ottimali għal enerġija sostenibbli u affordabbli”, il-President tal-KESE Christa Schweng irrimarkat li t-tnaqqis tad-dipendenza tal-enerġija tal-UE minn pajjiżi terzi huwa essenzjali. It-triq ’il quddiem hija li jiġu diversifikati s-sorsi tal-enerġija u jiżdied l-investiment fl-enerġija rinnovabbli.
Qalet li “Biex tiġi żgurata tranżizzjoni b’suċċess, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom rwol ewlieni fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki”. (mp)