Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ April, il-KESE adotta riżoluzzjoni dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li fiha huwa jappella għal “narrattiva ġdida bbażata fuq ir-realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum”, sabiex l-Ewropa terġa’ tingħaqad u tinvolvi ruħha maċ-ċittadini Ewropej. Sabiex dan iseħħ, is-soċjetà ċivili organizzata għandha tkun involuta u għandu jkollha rwol ewlieni x’taqdi.

Ir-riżoluzzjoni Narrattiva ġdida għall-Ewropa tinkludi serje ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex tiġi sfruttata l-opportunità ppreżentata mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li ġejja sabiex jitfassal futur aktar għani, sostenibbli u ekwu għall-UE. Il-President tal-KESE, Christa Schweng, enfasizzat l-importanza li jinkisbu riżultati tanġibbli: “Il-Konferenza trid tagħmel progress konkret u li jista’ jitkejjel, u mhux tikkonsisti biss f’diskussjonijiet mhux vinkolanti; fi kliem ieħor, l-ideat espressi matul l-avvenimenti tal-Konferenza għandhom jirriżultaw f’rakkomandazzjonijiet konkreti għall-azzjoni tal-UE”, hija qalet.

Is-Sinjura Schweng tenniet ukoll il-ħtieġa li jerġa’ jinkiseb s-sens ta’ sjieda taċ-ċittadini fl-UE: “Il-futur tal-Ewropa jeħtieġ ukoll narrattiva ġdida u pożittiva. Irridu nuru u nfakkru lil kulħadd li l-Ewropa hija post mill-aqwa fejn persuna tgħix u tirnexxi. Barra minn hekk, il-leħen tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea ma jistax jitwarrab: jekk verament irridu li l-proġett Ewropew jingħata lura liċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili għandu jkollha rwol ta’ gwida”.

Fost aspetti oħra, ir-riżoluzzjoni tiddeskrivi l-ħtieġa għal “irkupru ġust u sostenibbli mill-kriżijiet tal-COVID-19 li jwitti t-triq għal soċjetà aktar inklużiva u jibni kompetittività fit-tul”. It-test jirrikonoxxi “l-importanza fundamentali” tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u l-ħtieġa li tinħataf l-opportunità li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tippreżenta biex jiġu modernizzati u ttrasformati s-setturi industrijali tal-UE u l-ktajjen ta’ provvista tagħhom, sabiex dawn jibqgħu kompetittivi f’dinja ta’ emissjonijiet aktar baxxi.

Fil-qosor, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tkun il-mezz li twassal għal bidla dejjiema fl-UE, inkluż involviment akbar u aktar sinifikattiv taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili organizzata fl-isfera pubblika Ewropea. (dgf)