L-UE għandha wħud mill-aktar regolamenti stretti fid-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs jew pestiċidi) fl-agrikoltura. Madankollu, jista’ jsir ħafna aktar biex tittejjeb il-konverġenza regolatorja biex jitnaqqsu r-riskji tal-użu tal-PPPs u biex tiġi garantita provvista ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u sigur għal popolazzjoni dinjija li dejjem qed tikber.
Bħala kontribuzzjoni għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (SUD), il-KESE adotta rapport ta’ informazzjoni dwar dan is-suġġett.
Iktar minn 10 snin wara l-implimentazzjoni tagħha, huwa essenzjali li jiġi evalwat jekk id-Direttiva hijiex adattata għall-iskop.
Filwaqt li sar progress sinifikanti dwar il-ġestjoni u t-trattament tal-pestiċidi, in-nuqqas ta’ għarfien adegwat jibqa' l-ostaklu ewlieni għall-aħjar użu tal-PPPs
Il-monitoraġġ u l-infurzar tal-liġi huma wkoll meqjusa bħala dgħufija tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi, flimkien man-nuqqas ta’ sanzjonijiet effettivi għal dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mar-regoli.
Għalkemm il-bdiewa Ewropej jibqgħu impenjati bis-sħiħ biex jimxu lejn prattiki agrikoli aktar sostenibbli, hemm ukoll kunsens wiesa’ dwar in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi u teknoloġiji ġodda li huma kosteffettivi biżżejjed biex jiżguraw manutenzjoni ideali tal-għelejjel.
“Għandna bżonn approċċ olistiku u ambizzjuż sabiex noħolqu qafas leġiżlattiv li jippermettilna nittrattaw l-użu tal-pestiċidi b’mod koerenti, konsistenti u xjentifiku," enfasizza José Manuel Roche Ramo, relatur tal-KESE. (mr)