European Economic
and Social Committee
L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2023: Iż-żgħażagħ jitolbu UE aktar trasparenti, diġitali u semplifikata
L-applikazzjoni EYou li tagħmel l-UE aktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ kienet il-proposta li rċeviet l-aktar voti matul l-avveniment ewlieni tal-KESE.
Il-105 studenti tal-iskola sekondarja minn 35 skola mill-Istati Membri kollha tal-UE u s-seba’ pajjiżi kandidati li ġew Brussell fit-23 u l-24 ta’ Marzu għall-avveniment L-Ewropa Tiegħek, Leħnek ressqu l-ħames rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
1. UE semplifikata: applikazzjoni EYou li tippermetti liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom direttament mal-politiċi u mas-soċjetà ċivili billi jagħżlu l-interessi ewlenin tagħhom u jsegwu l-aħħar żviluppi fil-livell lokali;
2. Il-pjattaforma E-Youth għall-informazzjoni dwar l-UE biex tiġi ssemplifikata l-politika għall-ġenerazzjonijiet iżgħar, u tagħtihom forum fejn leħinhom jingħata widen;
3. Il-pjattaforma tal-EYout(h)rust se żżid it-trasparenza fil-politika fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE;
4. Il-proġett Youth Democratic Opinion (YDO) li se jtejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni ċivika u l-involviment fl-Ewropa billi jistabbilixxi programm ta’ ambaxxaturi tal-UE li jiġbor il-fehmiet taż-żgħażagħ u jipproponi rakkomandazzjonijiet lil dawk li jfasslu l-politika;
5. Aktar inizjattivi ffinanzjati mill-UE mexxijin MIŻ-żgħażagħ GĦAŻ-żgħażagħ.
“Għidulna x’inhuma l-aspettattivi u t-tamiet tagħkom għall-futur tal-Ewropa,” talbet il-President tal-KESE Christa Schweng lill-istudenti miġbura għall-avveniment. “Biex tindirizza sfidi ġodda, jeħtieġ li l-UE tagħti widen liż-żgħażagħ u tadotta ideat ġodda.”
Il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni Cillian Lohan qal lill-istudenti li l-KESE se jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħhom fl-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE) tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu f’Ġunju 2023. Fil-fehma tal-Viċi President Lohan, “meta d-difetti tas-sistema jibdew joħorġu fid-dieher jew meta din tkun f’riskju, ilkoll kemm aħna rridu nintensifikaw l-attivitajiet privati tagħna u nsiru attivi. Illum, intom għamiltu dan il-pass: grazzi.”
Id-diskussjonijiet urew li ż-żgħażagħ jemmnu li bħalissa ma hemm l-ebda spazju biex isemmgħu leħinhom fl-Unjoni Ewropea. Il-membru tal-KESE Neža Repanšek assigurathom li din il-frustrazzjoni hija punt ta’ tluq tajjeb għall-bidla: “Il-motivazzjoni li wasslitni biex nipparteċipa b’mod attiv nibtet mill-frustrazzjoni. Rajt li meta ż-żgħażagħ jingħaqdu flimkien, nistgħu nkunu forza qawwija.”
L-14-il edizzjoni tal-avveniment L-Ewropa Tiegħek, Leħnek iffokat fuq “Djalogi maż-Żgħażagħ dwar id-Demokrazija” u għall-ewwel darba pparteċipaw fih studenti mill-Ukrajna u l-Moldova. (gb/tk)