European Economic
and Social Committee
L-injam jista’ joffri bini f’armonija kemm mal-prinċipji tagħna kif ukoll mal-istandards tal-għajxien tagħna
Minn Rudolf Kolbe
Is-settur tal-bini għandu impatt konsiderevoli fuq l-emissjonijiet tas-CO2 fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja. Huwa essenzjali li titnaqqas l-impronta tiegħu; il-promozzjoni tal-kostruzzjoni bl-injam huwa lieva importanti biex dan jinkiseb u biex tiġi xprunata t-tranżizzjoni ekoloġika.
L-injam jissekwestra l-karbonju qabel ma jintuża bħala materjal tal-bini – siġra tikkonsisti f’madwar 50 % ta’ karbonju pur – u għandu prestazzjoni tajba ħafna fir-rigward ta’ diversi aspetti: l-injam mill-foresti ċċertifikati bħala sostenibbli jista’, f’ħafna pajjiżi, jinkiseb minn foresti li jinsabu f’distanzi tat-trasport relattivament qosra mis-siti ta’ kostruzzjoni; l-ipproċessar tiegħu rari jkunu problematiku jew jagħmel ħsara lill-ambjent; u l-injam jista’ jerġa’ jintuża faċilment. It-tqabbil ta’ binjiet ekwivalenti tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom juri li l-injam huwa alternattiva vijabbli f’termini ta’ enerġija inkorporata, emissjonijiet ta’ gassijiet serra, tniġġis tal-arja u tal-ilma u indikaturi oħra tal-impatt.
Madankollu, biex il-kostruzzjoni bl-injam tiġi promossa bħala mod kif jintlaħqu l-objettivi klimatiċi, huwa essenzjali li l-akkwist ikun ibbażat fuq kriterji ta’ kwalità, li jinkludu l-kriterji tas-sostenibbiltà u taċ-ċiklu tal-ħajja, kif ukoll li jintgħażlu proċeduri adatti ta’ akkwist li jippermettu soluzzjonijiet innovattivi. Għandna bżonn obbligi legali aktar stretti għal kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità u akkwist pubbliku li ma jagħmilx ħsara lill-klima. Neħtieġu wkoll miżuri biex l-awtoritajiet kontraenti jitħarrġu dwar kif japplikaw tali kriterji u obbligi.
Barra minn hekk, neħtieġu standards minimi għall-emissjonijiet tal-karbonju tal-bini tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tiegħu u jinħtieġ rekwiżit korrispondenti ta’ rappurtar tal-karbonju fis-settur kollu tal-kostruzzjoni, kif ukoll ambjent legali u tekniku li jippermetti l-innovazzjoni b’mod ġenerali u, b’mod aktar partikolari, fis-settur tal-kostruzzjoni bl-injam.
Il-bini bl-injam jista’ jipprovdi spazji sostenibbli, inklużivi u sbieħ għan-nies li jgħixu f’tali binjiet u li jużawhom.