Jum biss qabel l-anniversarju tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-KESE adotta Riżoluzzjoni li tappella għall-adeżjoni rapida tal-Ukrajna mal-UE b’rispett dovut għall-prinċipji tat-tkabbir. Il-KESE appoġġja l-istabbiliment ta’ tribunal internazzjonali speċjali dwar id-delitti ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, u enfasizza li s-soċjetà ċivili trid tkompli tappoġġja lill-Ukrajna sakemm ikun meħtieġ.

Il-KESE adotta t-tielet Riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Ukrajna, bl-isem L-Ukrajna: Sena wara l-invażjoni Russa – il-perspettiva tas-soċjetà ċivili Ewropea, waqt is-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Frar. Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata waqt dibattitu ma’ Oleksandra Matviichuk, kap taċ-Ċentru tal-Libertajiet Ċiviċi tal-Ukrajna u rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi għall-2022, u Lora Pappa, president tal-NGO Griega METAdrasi – Azzjoni għall-Iżvilupp tal-Migrazzjoni, dwar l-impatt tal-gwerra fuq in-nies fl-Ukrajna u fl-UE.

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu, il-KESE saħaq favur l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-Unjoni Ewropea. “Nappellaw għal proċess ta’ adeżjoni rapidu għall-Ukrajna mal-UE b’rispett dovut għall-prinċipji tat-tkabbir. Is-soċjetà ċivili Ukrajna u l-poplu Ukren jibqgħu l-ogħla prijorità għall-KESE,” qalet il-President tal-KESE Christa Schweng.

Ir-Riżoluzzjoni tappella biex jiġi stabbilit tribunal internazzjonali speċjali għad-delitti ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. F’diskors emozzjonali, is-Sinjura Matviichuk irrapportat in-numru bla preċedent ta’ delitti tal-gwerra mwettqa mit-truppi Russi: “Sinjura Matviichuk irrapportat in-numru bla preċedent ta’ delitti tal-gwerra mwettqa mit-truppi Russi: “Wasal iż-żmien li l-kliem nibdluh f’deċiżjonijiet u li tingħata s-setgħa lill-proċeduri legali, għaliex il-paċi dejjiema hija impossibbli mingħajr ġustizzja."

Seamus Boland, il-president tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, qal li “Aħna wkoll nappoġġjaw is-sejħa biex jiġi stabbilit tribunal internazzjonali speċjali għad-delitti ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna”.

Sena wara l-invażjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taw l-appoġġ tagħhom lil 8 miljun refuġjat u 6 miljun persuna spostata internament. Madankollu, “l-għeja qed tibda tidher,” ilmentat is-Sinjura Pappa.

Oliver Röpke, president tal-Grupp tal-Ħaddiema, qal li “Is-soċjetà ċivili Ukrena m’għandhiex tkun mistiedna hawn, għandha tkun minn ta’ ġewwa,” mentri Stefano Mallia, president tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, żied jgħid li “Is-soċjetà ċivili lesta tagħmel dak kollu li jkun hemm bżonn u sakemm ikun hemm bżonn biex tappoġġja lill-Ukrajna fit-triq lejn l-irkupru”. (mt)