European Economic
and Social Committee
Hemm bżonn urġenti ta’ ftehim dwar ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika
Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-24 ta’ Frar, il-KESE adotta Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tiddeskrivi l-proposti tagħha għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika. Hemm bżonn ta’ ftehim rapidu, iżda l-pjan huwa nieqes mid-dettall, jenfasizza l-KESE.
Mill-Ftehim ta’ Maastricht fl-1992, il-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE għen jinħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għall-istabbiltà ekonomika, it-tkabbir u livell ogħla ta’ impjiegi fl-Ewropa. Madankollu, filwaqt li evolva maż-żmien, il-qafas sar dejjem aktar kumpless u mhux l-istrumenti u l-proċeduri kollha tiegħu għadhom rilevanti llum il-ġurnata.
Filwaqt li l-KESE jaqbel dwar il-ħtieġa għal ftehim rapidu qabel il-proċessi baġitarji tal-Istati Membri għall-2024, huwa jenfasizza wkoll li ħafna dettalji għad iridu jiġu ffinalizzati. Il-“pjani strutturali fiskali” jridu jiżguraw li l-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG jitbaxxew jew jibqgħu f’livelli prudenti. Fl-istess ħin, ir-regoli jridu jħallu biżżejjed spazju fiskali għall-investimenti relatati mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. B’mod aktar importanti, biex qafas riformat jirnexxi, is-sjieda mtejba tar-regoli hija kruċjali.
“Huwa urġenti li jiġi riformat il-qafas fiskali. Ħafna Stati Membri ma kkonsolidawx biżżejjed il-finanzi pubbliċi tagħhom matul żminijiet tajbin,” qal ir-relatur tal-KESE Krister Andersson. “In-nuqqas ta’ politiki prudenti jagħmel ħsara lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. It-tnaqqis fil-livelli tad-dejn u s-sostenibbiltà tad-dejn huma kruċjali. Naqblu dwar il-ħtieġa għal ftehim rapidu qabel il-proċessi baġitarji tal-Istati Membri għall-2024.” (tk)