Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-prijoritajiet ekonomiċi tal-UE għall-2021. Huwa jilqa’ l-passi li ttieħdu fl-istrateġija biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, iżda juri dispjaċir li l-istrateġija proposta mill-Kummissjoni Ewropea tagħti ftit wisq attenzjoni għall-kwistjonijiet soċjali. Barra minn hekk iwissi kontra t-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ appoġġ f’stadju bikri wisq, u jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ regoli fiskali ġodda li jkunu jirriflettu r-realtajiet soċjali u ekonomiċi wara l-pandemija.

Il-KESE huwa diżappuntat li l-istrateġija ekonomika proposta mill-Kummissjoni, u li din is-sena hija wkoll kkumplementata bi gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ftit li xejn tagħti attenzjoni għall-kwistjonijiet soċjali. Minn naħa waħda, dan l-approċċ mhux se jwassal għall-implimentazzjoni konsistenti u tant mistennija tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Min-naħa l-oħra, dan se jipperikola t-tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ekoloġika u diġitali. Il-KESE jinnota li t-tranżizzjoni ma għandhiex tirriżulta f’aktar żieda fil-faqar u f’esklużjoni soċjali akbar.

Dan it-tħassib huwa rifless f’waħda mill-konklużjonijiet adottati mill-KESE fl-24 ta’ Frar fl-Opinjoni tiegħu dwar L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021.

Krzysztof Balon, ir-relatur tal-Opinjoni, qali li: “Se jkun kruċjali li tiġi żgurata distribuzzjoni bilanċjata tal-benefiċċji tal-irkupru ekonomiku, li se jikkontribwixxu mhux biss għal titjib fil-ġustizzja soċjali, iżda wkoll għall-istabbilizzazzjoni tad-domanda bħala prekundizzjoni għall-irkupru ekonomiku”. (na)