Żieda fil-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex l-oċeani jsiru sostenibbli sal-2030 u jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza fuq il-baħar, jgħid il-KESE f’Opinjoni ġdida adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Jannar.

Minħabba l-kumplessità tagħha, il-governanza tal-oċeani ma tistax titqies bħala purament “affari marittima”, iżda teħtieġ approċċ multidixxiplinarju u integrat li jappoġġja lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha.

L-impatt tal-bniedem fuq l-oċeani spiss joriġina f'attivitajiet ibbażati fuq l-art. Proporzjon sinifikanti tat-tniġġis tal-baħar ġej mir-rilaxx ta’ skart, pestiċidi, antibijotiċi, fosfati u plastiks, biex ma nsemmux il-kwistjoni ta' munizzjon mhux splodut.

Skont il-KESE, ir-rwol tal-UE bħala leġiżlatur u bħala attur internazzjonali li jsaħħaħ in-networks u s-sħubijiet huwa essenzjali, u partijiet interessati differenti għandhom ikunu involuti b’mod effettiv u trasparenti f’kull pass tul il-proċess.

“L-UE għandha rwol ewlieni fl-isforzi biex tappoġġja l-oċeani, iżda l-pajjiżi kollha jridu jagħtu sehemhom: b’hekk biss il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkunu jistgħu xorta jsejħu l-pjaneta tagħna Pjaneta Blu,” qal ir-rapporteur tal-Opinjoni Stefano Palmieri.

Sabiex tikseb in-newtralità tal-karbonju sal-2050 u s-sostenibbiltà sal-2030, l-UE għandha tiffoka fuq it-teħid ta’ miżuri biex tissalvagwardja l-benessri tal-ambjent tal-baħar u tipproteġi l-istokkijiet tal-ħut, li t-tnejn huma vitali għal ħafna komunitajiet. (mp)