European Economic
and Social Committee
Il-KESE jwissi dwar l-impatt soċjoekonomiku negattiv possibbli tal-proposta dwar it-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija
F’Opinjoni adottata f’Jannar 2022, il-KESE jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni Ewropea li tiċċara u taġġorna l-qafas eżistenti tal-UE u li tistruttura t-tassazzjoni Ewropea b’mod li jiffavorixxi l-enerġija sostenibbli mhux fossili.
Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb ukoll dwar l-impatt soċjoekonomiku negattiv possibbli ta’ xi wħud mill-miżuri li jinsabu fil-Proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea.
“Nappellaw għal attitudni aktar flessibbli dwar il-bijofjuwils ammissibbli u t-tassazzjoni tagħhom” qal ir-relatur Stefan Back.
Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li jintuża l-kunċett ta’ “faqar enerġetiku”, aktar milli “unitajiet domestiċi vulnerabbli”, jappella sabiex it-taxxi ambjentali jiġu ritornati lill-persuni l-aktar milquta, u jemmen fl-aġġustament tas-sistema tal-ipprezzar tal-UE biex tirrifletti l-prezz tal-forom kollha tal-enerġija.
“Il-KESE jiddispjaċih ukoll li fil-proposta ma ġewx inklużi miżuri adegwati biex jiġi evitat il-faqar tal-mobbiltà” żied jgħid il-korelatur Philippe Charry. (tk)