European Economic
and Social Committee
X’inhi s-superpotenza tiegħek?
Studenti tas-Superpower School – li l-biċċa l-kbira tagħhom huma żgħażagħ f’riskju ta’ esklużjoni soċjali – mhux biss jiżviluppaw il-ħiliet u t-talenti tagħhom bħat-tisjir, il-fotografija jew il-kitba kreattiva. L-iskola, immexxija bħala programm ta’ volontarjat mill-assoċjazzjoni Portugiża Movimento Transformers, tgħammarhom ukoll b’ħiliet u għarfien li jgħinuhom jibnu l-awtostima u jsiru membri attivi tas-soċjetà. Sirna nafu aktar minn Joana Moreira ta’ Movimento Transformers.
KESEinfo: X’ħeġġiġkom tibdew il-proġett jew l-inizjattiva tagħkom?
Nemmnu li r-raġuni li ż-żgħażagħ ma jimpenjawx ruħhom mhux għax ma jridux jagħmlu differenza, iżda għax għadhom ma sabux l-aħjar mod biex jagħmlu dan. Kien fuq din il-premessa li ħloqna l-moviment Transformers, li jippermetti liż-żgħażagħ jikkontribwixxu għall-komunitajiet tagħhom billi jużaw it-talenti tagħhom.
Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Irċevejtu xi feedback min-nies li għentu?
Il-proġett kien suċċess u diġà mmobilizzajna aktar minn 6 000 żagħżugħ u żagħżugħa madwar il-pajjiż. Ħafna mill-apprendisti tagħna saru mentors, fejn jaqsmu l-ħiliet li tgħallmu ma’ żgħażagħ oħra, u jistabbilixxu ċiklu informali ta’ għarfien u impatt sistemiku reali.
Kif se tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna fil-komunità? Diġà qed tippjanaw xi proġetti ġodda?
B'dan il-finanzjament inkunu nistgħu nżidu l-impatt tagħna billi naħdmu ma' aktar żgħażagħ fil-livell nazzjonali. Se nerġgħu nibdew ukoll l-avveniment annwali tagħna, TCONF (konferenza miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ), li din is-sena se tiffoka fuq is-saħħa mentali taż-żgħażagħ.
X’parir tagħti lil organizzazzjonijiet oħra dwar il-kisba ta’ riżultati minn attivitajiet u programmi bħal dawn?
Li jaħdmu flimkien ma’ oħrajn, ikollhom strateġija ta’ promozzjoni, jirreklutaw l-aqwa nies fit-timijiet tagħhom u jitolbu l-għajnuna meta jkun hemm bżonn. Nemmnu li l-kampjonati qatt ma jintrebħu billi naħdmu waħedna, u dejjem għandna bżonn l-alleati biex inkunu nistgħu nġibu bidla reali fil-politika pubblika u jkollna impatt pożittiv.
Taħseb li l-UE qed tagħmel biżżejjed biex tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġati? Għandek pariri jew rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet speċifiċi?
Nemmen li t-triq qed tkun vjaġġata tajjeb, bi programmi ta’ skambju għaż-żgħażagħ biex jiskopru d-dinja, li jagħtuhom opportunitajiet għat-taħriġ u għall-parteċipazzjoni. Madankollu, nixtieq nara aktar kondiviżjoni tal-aħjar prattiki ta’ organizzazzjonijiet oħra, peress li hemm metodoloġiji li jistgħu jaqsmu l-fruntieri; pereżempju, il-programm tagħna ta’ Superpower Schools, li jista' jiġi implimentat minn kwalunkwe organizzazzjoni tal-UE li taħdem maż-żgħażagħ żvantaġġati.