“Grootouders voor het Klimaat” (Nanniet għall-Klima) jaħsbu li dawk li għandhom ’il fuq minn 55 sena għandhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima – il-proġett rebbieħ tagħhom “It-Tfaddil tagħna għall-Ġejjieni tagħhom” iħeġġeġ lill-anzjani jinvestu flushom b’mod għaqli għall-ġid tal-pjaneta tagħna u jħallu dinja aħjar u aktar sostenibbli għan-neputijiet tagħhom. “In-nanniet” issa qed jaħdmu fuq proġetti eċċitanti oħrajn li kollha jippromovu s-solidarjetà interġenerazzjonali u l-investiment sostenibbli.
KESE info: X’ħeġġiġkom tibdew il-proġett jew l-inizjattiva tagħkom?
Guy De Koninck: L-għarfien, bħala persuni li għandna ’l fuq minn 55 sena, tar-responsabbiltà tagħna għall-klima u tas-saħħa tal-kapaċità finanzjarja kollettiva tagħna biex nikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija li ma tagħmilx ħsara lill-klima. Huwa diffiċli li nkunu nafu kif jintuża eżattament dan il-kapital, jiġifieri l-flus mfaddlin tagħna, u huwa diffiċli għalina bħala klijenti li neżerċitaw influwenza fuq dan. Fl-istess ħin, is-soċjetà teħtieġ kapital sabiex tirristruttura lilha nnifisha skont prinċipji aktar sostenibbli. Dawn iż-żewġ mekkaniżmi jistgħu jiġu kkoordinati aħjar.
Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Irċevejtu xi feedback min-nies li għenuk? (Tista' tagħtina xi eżempju, jekk għandek?)
Il-kampanja li wettaqna kienet appoġġjata sew mill-istampa u minn assoċjazzjonijiet tal-anzjani, bħal NEOS, li organizzaw sessjoni ta’ ħidma magħna u inkludew pubblikazzjoni fir-rivista tal-membri tagħhom. Il-punti li qajjimna u d-diskussjonijiet dettaljati mas-settur finanzjarju u l-ministri kienu apprezzati ferm.
Kif se tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna fil-komunità? Diġà qed tippjanaw xi proġetti ġodda?
Bħalissa qed naħdmu fuq gwida dwar l-investiment sostenibbli, sessjoni ta’ ħidma interġenerazzjonali għall-edukazzjoni sekondarja, u kooperazzjoni ma’ NGOs oħrajn. Irridu niżviluppaw aktar il-kampanja bi preżentazzjonijiet u sessjonijiet ta’ ħidma għall-assoċjazzjonijiet tal-anzjani u l-iskejjel, u nippromovuhom u nappoġġjawhom b’mod aktar wiesa’. Qed nikkunsidraw ukoll forom alternattivi ta’ tixrid ta’ tagħrif, bħal board game u verżjoni bil-Franċiż tal-kampanja.
X’parir tagħti lil organizzazzjonijiet oħra dwar il-kisba ta’ riżultati minn attivitajiet u programmi bħal dawn?
Stabilixxu tim kompetenti u entużjast għall-kampanja, u għamlu biżżejjed riċerka biex issostnu l-messaġġ tagħkom. Żguraw li l-għarfien espert tat-tim tiegħek huwa rikonoxxut, iżda kkomunikaw permezz ta’ kanali modern sabiex tilħqu l-iżjed livelli bażiċi tas-soċjetà.
Kemm intom ottimisti dwar il-prospetti tal-UE biex tilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku?
Dan huwa kontribut storikament importanti għat-tranżizzjoni ekoloġika. L-akbar sfida hija li l-objettivi jitpoġġew fil-prattika. Bħala nanniet, nixtiequ nikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika.