European Economic
and Social Committee
Biex id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt jiġu kkomunikati b’mod effettiv, l-UE trid tiffoka fuq il-valuri bbażati fuq il-komunità u l-istejjer dwar il-persuni
Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu biex jikkomunikaw aħjar mal-pubbliku ġenerali dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt. F’Opinjoni adottata f’Diċembru, il-Kumitat jissuġġerixxi li ssir enfasi fuq l-ekwità u l-ġustizzja u li tingħata vuċi lil dawk li jesperjenzaw direttament ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
L-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jistgħu jitqiesu minn xi wħud bħala kunċetti li huma wisq astratti, distanti, speċjalizzati u legalistiċi. Il-Kumitat jemmen li dan huwa periklu reali li l-UE għandha bżonn tindirizza.
Cristian Pîrvulescu, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar Nikkomunikaw dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, spjega li “n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ċara u edukazzjoni fil-livell Ewropew u nazzjonali dwar dawn il-prinċipji jgawdu minnu l-għedewwa tad-demokrazija. Aħna nappellaw għal aktar appoġġ għal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u kurrikuli tal-iskejjel aktar b’saħħithom.”
Il-korelatur José Antonio Moreno Díaz enfasizza li “l-individwi ma jistgħux jiddefendu d-drittijiet fundamentali tagħhom jekk ma jkunux jafu xi jfissru fir-realtà. L-atturi tal-UE, l-istituzzjonijiet, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili jistgħu jagħmlu differenza billi jittraduċu kunċetti astratti fi kwistjonijiet sinifikanti u prattiċi, joħolqu kultura Ewropea kondiviża tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt.”
L-Opinjoni tal-KESE targumenta li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt mhumiex possibbli fin-nuqqas ta’ stat soċjali. It-tnejn huma interkonnessi: meta l-istat soċjali ma jibqax jiffunzjona, is-soċjetà jaf tqis l-istat tad-dritt bħala kunċett fieragħ. Din ir-rabta hija rikonoxxuta mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għodda ta’ politika essenzjali għall-bini ta’ Unjoni aktar inklużiva.
Il-Kumitat iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex ma juru l-ebda tolleranza għall-ksur tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Għal dan il-għan, l-UE għandha tibqa’ sserraħ fuq id-definiżżjoni tal-istat tad-dritt prevista mill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt, li toffri deskrizzjoni ċara tal-prinċipji ewlenin koperti mill-istat tad-dritt. (gb)