Matul is-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Diċembru sar dibattitu dwar ir-rikostruzzjoni u r-reżiljenza tar-reġjun Ewro-Mediterranju wara l-pandemija tal-COVID-19, b’enfasi fuq il-litteriżmu diġitali.

Christa Schweng, il-President tal-Kumitat, enfasizzat ir-rwol tal-kooperazzjoni u d-djalogu lokali u tan-network tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali b’mod partikolari. Hija sostniet li l-Unjoni għall-Mediterran u l-Fondazzjoni Anna Lindh huma msieħba importanti ħafna għall-KESE, u huma wkoll żewġ pilastri ewlenin tas-sħubija Ewro-Mediterranja.

Álvaro Albacete Perea, Viċi Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, u Josep Ferré, Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Ewro‑Mediterranja Anna Lindh għad-Djalogu Bejn il-Kulturi, enfasizzaw l-importanza kruċjali li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-UE u r-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

Id-diġitalizzazzjoni hija fundamentali għall-progress ekonomiku u soċjali fir-reġjun Ewro-Mediterranju kollu. L-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar It-tranżizzjoni diġitali fir-reġjun Ewro-Mediterranju, li tfasslet minn Dolores Sammut Bonnici u li ġiet addottata matul is-sessjoni plenarja, tenfasizza li huwa importanti li jitnaqqas id-distakk diġitali bejn il-pajjiżi individwali, bejn iż-żoni urbani u rurali u bejn il-ġenerazzjonijiet. (mp)