Il-51 laqgħa tal-Kumitat ta’ Segwitu tal-Balkani tal-Punent poġġiet fiċ-ċentru tal-attenzjoni r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo* u s-Serbja. Il-laqgħa, ippreseduta minn Ionuţ Sibian, ospitat kelliema prominenti mill-gradi ta’ uffiċjali tal-UE, esperti tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mill-komunitajiet lokali, li kollha qablu li d-djalogu ffaċilitat mill-UE kien l-uniku mod biex nimxu ’l quddiem.

Miroslav Lajčák, Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent, ipprovda ħarsa ġenerali tad-djalogu ffaċilitat mill-U u sfidi relatati, u wera dispjaċir li għal darb’oħra d-deċiżjoni kellha tkun iffokata fuq ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt, milli fuq it-tlestija tal-proċess ta’ normalizzazzjoni.

Marko Prelec, mill-Grupp dwar il-Kriżi, iddikjara li ftehim komprensiv bejn il-Kosovo u s-Serbja ma kienx għan realistiku għalissa, peress li kwalunkwe ftehim bħal dan ikun jinkludu rikonoxximent reċiproku.

Leon Hartwell, miċ-Ċentru għall-Analiżi tal-Politika Ewropea, ilmenta dwar il-fatt li ftit li xejn hemm rieda politika biex jiġu implimentati t-30 ftehim innegozjati mill-UE bejn il-Kosovo u s-Serbja.

Branislav Staníček, mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS), enfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni transatlantika biex id-djalogu ta’ normalizzazzjoni jirnexxi. Il-parteċipanti mill-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili lokali minn Belgrade, Pristina u Mitrovica ta’ Fuq enfasizzaw l-importanza li jinħolqu kundizzjonijiet sabiex titnaqqas id-diviżjoni etnika bejn il-komunitajiet.

*Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo. (at)