Il-KESE organizza dibattitu biex jiċċelebra kemm il-Jum Internazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà kif ukoll l-ispirtu Olimpiku matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-5 ta’ Diċembru fi Brussell. 

Il-KESE organizza dibattitu biex jiċċelebra kemm il-Jum Internazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà kif ukoll l-ispirtu Olimpiku matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-5 ta’ Diċembru fi Brussell. 

Il-KESE ċċelebra kemm il-Jum Internazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà kif ukoll l-ispirtu Olimpiku billi stieden persuni mid-dinja tal-isport Paralimpiku – inklużi l-atleta Paralimpiku Belġjan u champion Joachim Gérard.

Waqt il-ftuħ tas-sessjoni, il-President tal-KESE Oliver Röpke qal li "Dan id-dibattitu jenfasizza l-ħtieġa urġenti li nindirizzaw id-differenza fl-impjiegi li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabbiltà. Minkejja l-oqfsa legali eżistenti, huma ħafna l-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol minħabba ostakli persistenti. Il-KESE jappella għal azzjoni biex jinħolqu postijiet tax-xogħol inklużivi, jitneħħew l-ostakli sistemiċi u jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Ewropa li tkun tassew inklużiva ma trid tħalli lil ħadd jibqa’ lura.”

 

Is-Sur Gérard, plejer u champion Belġjan tat-tennis tas-siġġu tar-roti, qal lill-plenarja li meta beda jilgħab it-tennis għall-ewwel darba, spiss kien milqugħ b’sorpriża u saħansitra protesti li kien se “jirrovina l-piċċ” bis-siġġu tar-roti tiegħu. “F’dawn l-aħħar 10 snin, rajna progress kbir fir-rwol tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fid-dinja tal-isport. Lgħabt f’għadd ta’ Gran Slams madwar id-dinja, u permezz ta’ dan il-logħob u l-Paralimpiċi, inħoss li qed insir dejjem aktar aċċettat bħala atleta tal-ogħla livell. Mhux biss atleta Paralimpiku, imma atleta tal-aqwa livell.

Anne d’Ieteren, president tal-Federazzjoni tal-Komunità Frankofona għall-Isport b’Diżabbiltà (La Ligue Handisport Francophone), indikat li minkejja s-suċċessi kbar murija mil-Logħob Paralimpiku, għad hemm ħafna ostakli fil-ħajja ta’ kuljum tal-persuni b’diżabbiltà. “Għadd sinifikanti ta’ faċilitajiet sportivi għadhom inaċċessibbli, b’faċilitajiet ta’ parkeġġ inadegwati jew disinn fqir. Dawn jistgħu jidhru bħala problemi żgħar, iżda l-effett kumulattiv tagħhom jista’ jeskludi u jiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni.”

Aurel Laurenţiu Plosceanu, il-Viċi President tal-KESE responsabbli għall-komunikazzjoni, laqa’ lis-Sur Gérard u lis-Sinjura d’Ieteren, u qal li “l-preżenza u r-rekord tagħhom ifakkruna dwar kemm l-eċċellenza fl-atletika tista’ tkun ta’ ispirazzjoni għalina lkoll li nistinkaw biex nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħna, waqt li juru wkoll ir-rwol essenzjali li l-persuni b’diżabbiltà jaqdu fis-soċjetà tagħna u b’mod partikolari fid-dinja sportiva.”

Christophe Lefèvre, president tal-Grupp Permanenti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà tal-KESE, argumenta favur l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ aċċessibbiltà tal-UE b’indikaturi ta’ aċċessibbiltà, li jkopri oqsma bħall-akkomodazzjoni sostenibbli, l-isport, il-ġustizzja u l-edukazzjoni, waqt li Pietro Vittorio Barbieri (membru tal-Grupp Permanenti) żied jgħid li “Huwa essenzjali li l-persuni kollha b’diżabbiltà li jgħixu fl-Ewropa jkollhom aċċess għall-isport u l-edukazzjoni, sabiex ilkoll jiġu ggarantiti l-istess privileġġi fis-soċjetà.” (lm)

Fit-13 ta’ Diċembru 2024, il-KESE, il-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) u l-Press Club Belarus organizzaw b’mod konġunt seminar dwar ir-rwol tal-media indipendenti Belarussa fit-trawwim ta’ soċjetà reżiljenti u demokratika. Il-media indipendenti Belarussa hija l-uniku sors ta’ informazzjoni għan-nies fil-pajjiż, għaldaqstant, jeħtieġ li din tiġi appoġġjata finanzjarjament u tkun involuta fi sħubijiet mal-media tal-Punent biex il-Belarussja tinżamm fuq quddiem fl-aġenda tal-aħbarijiet internazzjonali.

 

Fit-13 ta’ Diċembru 2024, il-KESE, il-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) u l-Press Club Belarus organizzaw b’mod konġunt seminar dwar ir-rwol tal-media indipendenti Belarussa fit-trawwim ta’ soċjetà reżiljenti u demokratika. Il-media indipendenti Belarussa hija l-uniku sors ta’ informazzjoni għan-nies fil-pajjiż, għaldaqstant, jeħtieġ li din tiġi appoġġjata finanzjarjament u tkun involuta fi sħubijiet mal-media tal-Punent biex il-Belarussja tinżamm fuq quddiem fl-aġenda tal-aħbarijiet internazzjonali.

 

Bil-parteċipazzjoni tiegħu fl-inizjattiva “Jiem il-Belarussja” (9-13 ta’ Diċembru 2024), organizzata mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mid-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir tal-Kummissjoni, il-KESE wera l-impenn sod tiegħu għal Belarussja demokratika li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-kelma.

Fil-ftuħ tal-avveniment, il-President tal-KESE Oliver Röpke qal: “Il-media indipendenti hija s-sinsla ta’ soċjetà ħielsa u demokratika. Illum, bħala parti mill-Jiem il-Belarussja, naffermaw mill-ġdid is-solidarjetà tagħna mal-poplu Belarussu u l-ġlieda kuraġġuża tiegħu kontra d-diżinformazzjoni u l-oppressjoni”.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-EED Jerzy Pomianowski enfasizza: “Ir-riżultat tal-elezzjoni tas-26 ta’ Jannar huwa predeterminat, u r-reġim se jipprova jibda paġna ġdida, billi jipprova jilleġittimizza lilu nnifsu fl-affarijiet internazzjonali u jaħbi l-oppressjoni. Madankollu, il-media indipendenti Belarussa tidher li rnexxielha tinvolvi lill-udjenza tagħha”.

Hanna Liubakova, ġurnalista freelance li tinsab fl-eżilju u li ġiet ikkundannata għal 10 snin ħabs in absentia fuq erba’ akkużi kriminali, tinsab ħerqana bil-motivazzjoni tal-poplu Belarussu li jibqa’ infurmat u li jkollu aċċess għal media indipendenti, u enfasizzat li 50 % tat-traffiku għal siti web immexxija mill-Belarussi li jinsabu barra mill-pajjiż jiġi mill-Belarussja stess. Hija kkonfermat li sa 90 % tal-udjenza tal-pjattaforma tal-media soċjali tinsab ġewwa l-Belarussja. “Il-media indipendenti fil-Belarussja hija l-aħjar antidotu għal Lukashenko u l-propaganda tal-Kremlin,” hija żiedet tgħid.

Natalia Belikova, li taħdem mal-Press Club Belarus qalet li l-għan tal-propaganda l-ġdida tal-gvern huwa li jipprovdi fehim ġdid ta’ xi jfissru l-elezzjonijiet, għalhekk huma qed jippruvaw jgħaqqdu lin-nies u jħeġġuhom juru l-patrijottiżmu tagħhom. “Tattiki bħal dawn huma kif ibiddlu l-perċezzjoni tal-popolazzjoni kollha dwar xi tfisser id-demokrazija”, qalet is-Sinjura Belikova.

Is-seminar intemm bil-wiri tal-film Under the Grey Sky, ispirat mill-istorja vera ta’ Katsyaryna Andreeva, ġurnalista Belarussa li tinsab il-ħabs, fil-preżenza tad-direttur tal-film Mara Tamkovich. (mt)

Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Diċembru, il-KESE ospita dibattitu dwar id-demokrazija fl-Afrika ma’ rappreżentanti mill-Kunsill Ekonomiku u Kulturali tal-Unjoni Afrikana (ECOSOCC tal-UA). Iż-żewġ naħat qablu li s-soċjetà ċivili hija l-ixprun għal sħubija ta’ suċċess bejn l-UE u l-Afrika bbażata fuq l-ugwaljanza, li trawwem id-djalogu ċivili u soċjali.

Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Diċembru, il-KESE ospita dibattitu dwar id-demokrazija fl-Afrika ma’ rappreżentanti mill-Kunsill Ekonomiku u Kulturali tal-Unjoni Afrikana (ECOSOCC tal-UA). Iż-żewġ naħat qablu li s-soċjetà ċivili hija l-ixprun għal sħubija ta’ suċċess bejn l-UE u l-Afrika bbażata fuq l-ugwaljanza, li trawwem id-djalogu ċivili u soċjali.

Fid-dibattitu fil-plenarja, li fih adotta wkoll l-Opinjoni Id-demokrazija fl-Afrika – is-sitwazzjoni attwali u perspettivi futuri. Xi rwol għandu l-KESE?, il-KESE tenna l-impenn tiegħu li jsaħħaħ is-sħubija strateġika mal-Unjoni Afrikana, u li jappoġġja l-inizjattiva għal impriża konġunta biex jiġu promossi l-valuri tad-demokrazija, id-djalogu inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli. Aktar kmieni din is-sena, il-KESE u l-ECOSCOCC tal-UA ffirmaw il-Memorandum ta’ Qbil.

Kyeretwie Osei, Kap tal-Programmi fl-Unjoni Afrikana tal-ECOSOCC, fid-dikjarazzjoni li ta f’isem il-President tal-ECOSOCC, Khalid Boudali, spjega: “Għandna xogħol importanti fil-bini tal-istituzzjonijiet biex insaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-kontinent kollu, u fl-istess waqt niżguraw li nkunu kapaċi nistabbilixxu governanza tajba billi neliminaw u nnaqqsu l-korruzzjoni u noħolqu spazji għall-espressjoni taċ-ċittadini, fost affarijiet oħra. Is-soċjetà ċivili tinsab fil-qalba ta’ dan l-għan”.

Oliver Röpke, il-President tal-KESE enfasizza: “Il-kooperazzjoni mal-ECOSOCC tal-UA hija kruċjali fil-promozzjoni tar-rwol tas-soċjetà ċivili fl-Afrika. Is-soċjetà ċivili għandha tieħu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tindirizza aktar sfidi, bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-migrazzjoni”.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE jindirizza dawn l-isfidi u huwa tal-fehma li, flimkien mar-rappreżentanti rikonoxxuti tal-pjattaformi tas-soċjetà ċivili Afrikana, dan jista’ jgħin fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, jippromovi d-drittijiet tal-bniedem u jgħin fid-difiża tar-reġimi demokratiċi fl-Afrika. 

Carlos Trindade, membru tal-KESE u relatur tal-Opinjoni, semma li l-approċċ Ewropew għall-iżvilupp tad-demokrazija fl-Afrika għandu jkun ibbażat fuq relazzjoni bejn partijiet ugwali, u jqis il-kumplessità tal-kontinent f’termini ta’ żvilupp ekonomiku, diversità u interessi ġeopolitiċi.

Sifa Chiyoge Buchekabiri, Direttur Reġjonali u Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ International Cooperative Alliance-Africa (ICA-Africa), tkellmet dwar l-importanza tal-emanċipazzjoni tan-nisa fl-Afrika. “Il-promozzjoni tal-emanċipazzjoni tan-nisa hija kruċjali peress li ħafna drabi n-nisa huma s-sinsla tal-unitajiet domestiċi tagħhom. Għalhekk, billi nemanċipaw lin-nisa mhux biss qed ngħinu lill-individwi, imma qed insaħħu wkoll il-pożizzjoni ta’ komunitajiet sħaħ”.

Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni fl-industriji tal-kostruzzjoni u tal-akkomodazzjoni u l-involviment tal-atturi tal-ekonomija soċjali fis-servizzi tal-provvista tal-akkomodazzjoni jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali relatati mal-affordabbiltà u s-sostenibbiltà tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa. Skont konferenza li saret reċentement fil-KESE, jinħtieġ rispons pan-Ewropew għad-diversi sfidi, peress li l-akkomodazzjoni mhijiex biss ħtieġa iżda wkoll dritt tal-bniedem . 

Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni fl-industriji tal-kostruzzjoni u tal-akkomodazzjoni u l-involviment tal-atturi tal-ekonomija soċjali fis-servizzi tal-provvista tal-akkomodazzjoni jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali relatati mal-affordabbiltà u s-sostenibbiltà tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa. Skont konferenza li saret reċentement fil-KESE, jinħtieġ rispons pan-Ewropew għad-diversi sfidi, peress li l-akkomodazzjoni mhijiex biss ħtieġa iżda wkoll dritt tal-bniedem . 

Fil-21 ta’ Novembru, il-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE organizza l-konferenza Nipproteġu lill-aktar ċittadini vulnerabbli tal-Ewropa permezz ta’ akkomodazzjoni sostenibbli u affordabbli, li matulha d-diskussjonijiet iffukaw fuq kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jagħmlu l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa aktar inklużivi, affordabbli u sostenibbli.

Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, enfasizza li l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata jikkostitwixxi dritt tal-bniedem li jeħtieġ approċċ pan-Ewropew. Huwa enfasizza r-rabta bejn iż-żieda fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni u l-livelli tal-faqar, u indika wkoll li “l-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli hija ċentrali għall-qerda tal-faqar”.

Is-Sur Boland enfasizza wkoll li “l-istrateġija tal-UE kontra l-faqar u l-Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli proposti mill-President elett tal-Kummissjoni Ewropea għandhom ikunu parti minn approċċ ta’ politika transsettorjali biex jintemm il-faqar. Dan l-approċċ irid jinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-proċess kollu tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-soluzzjonijiet. L-akkomodazzjoni sostenibbli trid tiġi eżaminata minn perspettiva usa’ li tinkludi l-effiċjenza fir-riżorsi, iċ-ċirkolarità, ir-reżiljenza, l-adattament u l-aċċessibbiltà ekonomika”.

Matul l-avveniment saret referenza wkoll għall-istudju l-ġdid tal-KESE dwar Akkomodazzjoni sostenibbli affordabbli fl-UE, ikkummissjonat mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili. L-istudju janalizza soluzzjonijiet ta’ politika għall-kisba ta’ akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli fl-UE. Barra minn hekk, jinvestiga żewġ xejriet emerġenti: id-diġitalizzazzjoni u l-involviment tal-atturi tal-ekonomija soċjali fil-provvista tal-akkomodazzjoni. L-istudju jeżamina inizjattivi innovattivi f’sitt Stati Membri, u jivvaluta l-potenzjal tagħhom għal applikazzjoni usa’ fl-Ewropa.

Tista’ ssir taf aktar dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika fuq terminu medju u twil tal-istudju tal-KESE hawnhekk.

Tista’ tikkonsulta wkoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-konferenza.

António Costa, il-President il-ġdid tal-Kunsill Ewropew, jiddeskrivi l-prijoritajiet ewlenin tiegħu għall-UE waqt l-ewwel żjara tiegħu fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Huwa enfasizza l-kompetittività bħala l-pedament għall-prosperità tal-Ewropa, u saħaq dwar l-importanza li din tiġi kkombinata mad-drittijiet soċjali biex jinbena futur sostenibbli. Il-President tal-KESE Oliver Röpke tenna dan, u qal li “Il-kompetittività trid tkun effettiva għal ħafna, mhux għal ftit.”

António Costa, il-President il-ġdid tal-Kunsill Ewropew, jiddeskrivi l-prijoritajiet ewlenin tiegħu għall-UE waqt l-ewwel żjara tiegħu fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Huwa enfasizza l-kompetittività bħala l-pedament għall-prosperità tal-Ewropa, u saħaq dwar l-importanza li din tiġi kkombinata mad-drittijiet soċjali biex jinbena futur sostenibbli. Il-President tal-KESE Oliver Röpke tenna dan, u qal li “Il-kompetittività trid tkun effettiva għal ħafna, mhux għal ftit.”

Waqt li tkellem fis-sessjoni plenarja tal-KESE ftit jiem wara li beda l-mandat tiegħu fl-1 ta’ Diċembru, is-Sur Costa appella għal azzjoni kollettiva urġenti. “Ninsabu fit-triq it-tajba. Għamilna d-dijanjożi, għandna proposti ambizzjużi, iżda jrid jkollna rieda politika. Ejjew niffokaw fuq it-tkabbir, l-impjiegi u Ewropa soċjali, sabiex il-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum tkun tista’ tħares lura u tgħid: dan kien il-mument meta żgurajna l-prosperità tagħna.”

Il-kompetittività u r-riformi mfassla apposta huma fil-qalba tal-aġenda tas-Sur Costa. Huwa ppropona t-tiġdid tas-suq uniku, it-tnaqqis ta’ regolamenti żejda, u l-investiment fil-ħiliet u l-innovazzjoni biex isaħħu l-ekonomija tal-Ewropa. Żied jgħid li “għandna bżonn kumpaniji b’saħħithom – mhux għax huma orħos iżda għax jinnovaw b’ideat u b’forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati”. Is-Sur Costa appella wkoll għal riformi bbażati fuq il-prestazzjoni u mnebbħa min-Next Generation EU: “Din hija loġika tajba għall-futur.” Huwa ħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw il-baġit tal-UE li jmiss b’sens ta’ ftuħ.

“Il-kompetittività mhijiex biss kwistjoni ta’ għanijiet ekonomiċi; tikkonċerna wkoll il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-Ewropej kollha u t-trawwim tar-reżiljenza,” qal is-Sur Röpke. “It-tkabbir ekonomiku jrid jimxi id f’id mal-progress soċjali, waqt li jiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.”

Is-Sur Costa faħħar ir-rwol tal-KESE fit-trawwim tad-djalogu soċjali, u rrefera għalih bħala “il-mudell Ewropew” għall-konnessjoni mal-pubbliku. “Id-djalogu soċjali jippermettilna nsibu soluzzjonijiet sostenibbli permezz ta’ negozjati kostanti bejn ir-rappreżentanti differenti tas-soċjetajiet tagħna. Dan huwa essenzjali, speċjalment issa,” huwa qal.

Id-dibattitu fil-plenarja indirizza t-tħassib ewlieni, inklużi l-akkomodazzjoni, il-migrazzjoni u l-ispejjeż tal-enerġija – kwistjonijiet li s-Sur Costa identifika bħala prijoritajiet. Is-Sur Röpke saħaq dwar il-ħtieġa għal soluzzjonijiet prattiċi, u enfasizza l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid, l-akkomodazzjoni affordabbli u t-tranżizzjoni ekoloġika. “Il-KESE huwa impenjat bis-sħiħ biex jintroduċi l-vuċi tas-soċjetà ċivili fil-proċess biex tissawwar Ewropa inklużiva, reżiljenti u lesta għall-isfidi tal-futur.” (gb)

F’din il-ħarġa:

  • Niżguraw appoġġ għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali fi ħdan ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat minn Guiseppe Guerini
  • Fil-KESE jintwera l-film Belarussu “Under the Grey Sky”, intervista mad-direttriċi Mara Tamkovich
  • Il-patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil – test għall-proġett Ewropew? minn Camille Coz, MPI Europe
  • Oqbra mhux immarkati fil-fruntieri esterni tal-Ewropa minn Barbara Matejčić
  • Ir-rifuġjati Sirjani:

    - L-approċċ tal-UE għar-ritorni Sirjani – punt ta’ bidla għall-politika tagħha dwar il-migrazzjoni minn Alberto-Horst Neidhardt, EPC

    Il-pajjiżi tal-UE m’għandhomx iġiegħlu lir-refuġjati Sirjani jirritornaw fis-sitwazzjoni ta’ instabbiltà ta’ bħalissa minn Jean-Nicolas Beuze, UNHCR

Deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija

Document Type
AC

Id-demokrazija fl-Afrika is-sitwazzjoni attwali u perspettivi futuri

Document Type
AC

F’din il-ħarġa:

  • Andrey Gnyot: L-għadu tal-poplu – Kif il-Belarussja qed tippersegwita lill-ġurnalisti tagħha
  • COP16 u COP29: Qed niġbdu t-tapit minn taħt saqajna
  • Adélaïde Charlier: Ingannati bil-biljuni: COP29 li ma kinitx effettiva għall-ġustizzja klimatika
  • Luz Haro Guanga: Il-ġlieda għal pjaneta f’saħħitha hija kwistjoni ta’ ħajja u mewt
  • Mariya Mincheva: Il-kost tan-non-Schengen għas-suq uniku tal-UE
     

 

F’din il-ħarġa:

  • Andrey Gnyot: L-għadu tal-poplu – Kif il-Belarussja qed tippersegwita lill-ġurnalisti tagħha
  • COP16 u COP29: Qed niġbdu t-tapit minn taħt saqajna
  • Adélaïde Charlier: Ingannati bil-biljuni: COP29 li ma kinitx effettiva għall-ġustizzja klimatika
  • Luz Haro Guanga: Il-ġlieda għal pjaneta f’saħħitha hija kwistjoni ta’ ħajja u mewt
  • Mariya Mincheva: Il-kost tan-non-Schengen għas-suq uniku tal-UE
     

Fl-2021, l-assoċjazzjoni Belġjana Grootouders voor het Klimaat (Nanniet favur il-klima) rebħet il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili, li kien iffokat fuq it-tema tal-azzjoni klimatika, għall-kampanja tagħha “Dak li faddalna nużawh għall-futur tagħhom”. Il-kampanja kellha l-għan li tħeġġeġ madwar 2,4 miljun nannu u nanna Belġjani biex il-flus li kienu faddlu – li dak iż-żmien kien stmat għal madwar EUR 910 biljun f’assi – jerġgħu jinvestuhom fi proġetti aktar sostenibbli. Il-KESE Info tkellem ma’ Grootouders voor het Klimaat dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-klima u l-finanzjament sostenibbli kif ukoll dwar l-istennijiet u l-pjani għall-futur.

Fl-2021, l-assoċjazzjoni Belġjana Grootouders voor het Klimaat (Nanniet favur il-klima) rebħet il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili, li kien iffokat fuq it-tema tal-azzjoni klimatika, għall-kampanja tagħha “Dak li faddalna nużawh għall-futur tagħhom”. Il-kampanja kellha l-għan li tħeġġeġ madwar 2,4 miljun nannu u nanna Belġjani biex il-flus li kienu faddlu – li dak iż-żmien kien stmat għal madwar EUR 910 biljun f’assi – jerġgħu jinvestuhom fi proġetti aktar sostenibbli. Il-KESE Info tkellem ma’ Grootouders voor het Klimaat dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-klima u l-finanzjament sostenibbli kif ukoll dwar l-istennijiet u l-pjani għall-futur.

Wara tliet snin taraw riżultati tanġibbli tal-kampanja tagħkom? Kif tivvaluta b’mod ġenerali l-istat tal-klima u l-finanzi sostenibbli fil-Belġju – sar progress? u hemm aktar sensibilizzazzjoni fost in-nies dwar l-importanza ta’ dan kollu?

Il-Premju tal-KESE kien rikonoxximent u appoġġ importanti għalina. Ta’ spiss irreferejna għalih f’kuntatti mal-gvern, ma’ organizzazzjonijiet oħra ta’ appoġġ u maċ-ċittadini. Għenna nagħmlu iktar kuntatti u nkomplu niżviluppaw il-kampanja tagħna, kemm għan-nanniet sħabna kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet iżgħar, billi żviluppajna preżentazzjonijiet, sessjonijiet ta’ ħidma u sensiela ta’ lezzjonijiet dwar il-finanzi sostenibbli.

Aħna osservajna li dan għadu mhuwiex suġġett ċar, iżda fl-istess ħin saru sforzi leġiżlattivi importanti mill-Ewropa (it-tassonomija, il-Patt Ekoloġiku, is-CSRD, is-CSDDD, eċċ.), u dan ifisser li anke l-intrapriżi u s-setturi qed jieħdu aktar u aktar inizjattivi li nistgħu nirreferu għalihom. Dan huwa sors ta’ tama u ta’ bżonn, kif sfortunatament enfasizzaw ir-riżultati (inadegwati) tal-COP f’Baku.

Minn studju reċenti tgħallimna li għad hemm bżonn il-ħidma tagħna biex nissensibilizzaw. Huma biss 5-15 % tal-investituri li jużaw id-dritt tagħhom li jitolbu lill-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom iqisu l-preferenzi sostenibbli tagħhom. Għalhekk irridu nkomplu naħdmu fuq dan.

X’tistennew mill-COP29? Ser tipparteċipaw fil-konferenza, jekk mhux direttament billi tappoġġjaw lit-tifel ta’ 12-il sena Ferre u lin-nanniet tiegħu? Taħsbu li l-finanzjament għall-klima huwa suġġett kruċjali għal tranżizzjoni ġusta?

Fil-ħin tal-kitba, il-COP29 tkun għadha kemm spiċċat. Mill-bidu nett, tajna l-appoġġ sħiħ tagħna, f’termini finanzjarju u ta’ komunikazzjoni, lil Ferre ta’ 12-il sena, li, flimkien man-nanniet tiegħu, li huma membri tal-Groothouders voor het Klimaat, ivvjaġġa lejn Baku, biex jiżgura li leħen it-tfal ikompli jinstema’. Nixtiequ nirringrazzjaw ukoll lin-nanniet l-oħra u lill-awtoritajiet kollha li għamlu dan possibbli.

Il-COP29 kellha ssir il-COP tal-finanzjament għall-klima minħabba li l-finanzjament huwa tabilħaqq kruċjali għat-tranżizzjoni ġusta. Sfortunatament, f’Baku, rajna li dan ma kienx jidher biżżejjed. Il-messaġġ tagħna jibqa’: il-flus hemm huma, u nitolbu lil min għandu biex ikun responabbli u jużahom b’mod sostenibbli għall-futur ta’ ulied uliedna.

X’inhuma l-aħħar proġetti ta’ Grootouders voor het Klimaat li tixtiequ ssemmu? Diġà għaddejjin xi proġetti ġodda?

Aħna nħarsu lejn il-futur b’ħafna tama. L-2025, għaxar snin wara l-Ftehim ta’ Pariġi, għall-Grootouders voor het Klimaat ser tkun is-sena li fiha ser nagħmlu appell lil għadd kbir ta’ nanniet bħalna, li huma membri tal-organizzazzjonijiet kbar tal-anzjani fil-Flanders. Ninsabu f’nofs it-tħejjijiet fejn diversi għexieren ta’ “nanniet favur il-klima” qegħdin jitħarrġu biex ikunu jistgħu jiddiskutu dwar il-klima b’kunfidenza, u jkunu lesti jikkomunikaw u jisimgħu.

Żviluppajna diversi workshops, inkluż wieħed dwar it-tfaddil u l-investiment sostenibbli, li noffru mingħajr ħlas lid-dipartimenti lokali kollha tal-organizzazzjonijiet tal-anzjani. Diġà qed naraw ħafna entużjażmu. Lejn l-aħħar ta’ Novembru 2025 ser intemmu b’avveniment kbir li, nisperaw, mhux ser ikun it-tmiem iżda l-bidu ta’ impenn dejjem jikber għall-futur.

Hugo Van Dienderen huwa kofundatur u kopresident ta’ Grootouders voor het Klimaat. Stabbilit fl-2019, Grootouders voor het Klimaat huwa moviment indipendenti tal-anzjani, prinċipalment nanniet, li jridu jgħaddu dinja abitabbli lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Fir-ritratt: Ferre man-“nanniet tiegħu favur il-klima” waqt COP29 f’Baku. Ferre kellu l-opportunità li jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi klimatika ma’ ħafna nies importanti.