Fit-13 ta’ Diċembru 2024, il-KESE, il-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) u l-Press Club Belarus organizzaw b’mod konġunt seminar dwar ir-rwol tal-media indipendenti Belarussa fit-trawwim ta’ soċjetà reżiljenti u demokratika. Il-media indipendenti Belarussa hija l-uniku sors ta’ informazzjoni għan-nies fil-pajjiż, għaldaqstant, jeħtieġ li din tiġi appoġġjata finanzjarjament u tkun involuta fi sħubijiet mal-media tal-Punent biex il-Belarussja tinżamm fuq quddiem fl-aġenda tal-aħbarijiet internazzjonali.

 

Bil-parteċipazzjoni tiegħu fl-inizjattiva “Jiem il-Belarussja” (9-13 ta’ Diċembru 2024), organizzata mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mid-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir tal-Kummissjoni, il-KESE wera l-impenn sod tiegħu għal Belarussja demokratika li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-kelma.

Fil-ftuħ tal-avveniment, il-President tal-KESE Oliver Röpke qal: “Il-media indipendenti hija s-sinsla ta’ soċjetà ħielsa u demokratika. Illum, bħala parti mill-Jiem il-Belarussja, naffermaw mill-ġdid is-solidarjetà tagħna mal-poplu Belarussu u l-ġlieda kuraġġuża tiegħu kontra d-diżinformazzjoni u l-oppressjoni”.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-EED Jerzy Pomianowski enfasizza: “Ir-riżultat tal-elezzjoni tas-26 ta’ Jannar huwa predeterminat, u r-reġim se jipprova jibda paġna ġdida, billi jipprova jilleġittimizza lilu nnifsu fl-affarijiet internazzjonali u jaħbi l-oppressjoni. Madankollu, il-media indipendenti Belarussa tidher li rnexxielha tinvolvi lill-udjenza tagħha”.

Hanna Liubakova, ġurnalista freelance li tinsab fl-eżilju u li ġiet ikkundannata għal 10 snin ħabs in absentia fuq erba’ akkużi kriminali, tinsab ħerqana bil-motivazzjoni tal-poplu Belarussu li jibqa’ infurmat u li jkollu aċċess għal media indipendenti, u enfasizzat li 50 % tat-traffiku għal siti web immexxija mill-Belarussi li jinsabu barra mill-pajjiż jiġi mill-Belarussja stess. Hija kkonfermat li sa 90 % tal-udjenza tal-pjattaforma tal-media soċjali tinsab ġewwa l-Belarussja. “Il-media indipendenti fil-Belarussja hija l-aħjar antidotu għal Lukashenko u l-propaganda tal-Kremlin,” hija żiedet tgħid.

Natalia Belikova, li taħdem mal-Press Club Belarus qalet li l-għan tal-propaganda l-ġdida tal-gvern huwa li jipprovdi fehim ġdid ta’ xi jfissru l-elezzjonijiet, għalhekk huma qed jippruvaw jgħaqqdu lin-nies u jħeġġuhom juru l-patrijottiżmu tagħhom. “Tattiki bħal dawn huma kif ibiddlu l-perċezzjoni tal-popolazzjoni kollha dwar xi tfisser id-demokrazija”, qalet is-Sinjura Belikova.

Is-seminar intemm bil-wiri tal-film Under the Grey Sky, ispirat mill-istorja vera ta’ Katsyaryna Andreeva, ġurnalista Belarussa li tinsab il-ħabs, fil-preżenza tad-direttur tal-film Mara Tamkovich. (mt)