Il-mistieden sorpriża tagħna huwa Andrey Gnyot, produttur tal-films u ġurnalist Belarussu li għadu kif inħeles mill-arrest domiċiljari fis-Serbja, fejn qatta’ sena f’detenzjoni għal estradizzjoni fuq allegazzjonijiet ta’ reati ekonomiċi magħmula minn pajjiżu. Permezz tal-istorja personali tiegħu, huwa jiddeskrivi d-destin tal-ġurnalisti indipendenti fil-Belarussja tal-lum, fejn anke l-iċken kritika fir-rigward ta’ dawk fil-poter tista’ twassal biex dawn jiġu mmarkati bħala “għadu tal-poplu” u jintbagħtu l-ħabs fuq akkużi ekonomiċi foloz.

Il-mistieden sorpriża

Il-mistieden sorpriża tagħna huwa Andrey Gnyot, produttur tal-films u ġurnalist Belarussu li għadu kif inħeles mill-arrest domiċiljari fis-Serbja, fejn qatta’ sena f’detenzjoni għal estradizzjoni fuq allegazzjonijiet ta’ reati ekonomiċi magħmula minn pajjiżu. Permezz tal-istorja personali tiegħu, huwa jiddeskrivi d-destin tal-ġurnalisti indipendenti fil-Belarussja tal-lum, fejn anke l-iċken kritika fir-rigward ta’ dawk fil-poter tista’ twassal biex dawn jiġu mmarkati bħala “għadu tal-poplu” u jintbagħtu l-ħabs fuq akkużi ekonomiċi foloz.

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tar-ritratti “Nikkollegaw l-UE 2004” hija Martina Cikojević, editur u ġurnalista fit-Trejdjunjin Kroata tal-Ħaddiema tal-Posta. Bir-ritratt tagħha, Il-Grand Place ta’ Brussell fid-dawl ta’ qamar, rebħet żjara ta’ jumejn fi Brussell matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE f’Marzu 2025

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tar-ritratti “Nikkollegaw l-UE 2004” hija Martina Cikojević, editur u ġurnalista fit-Trejdjunjin Kroata tal-Ħaddiema tal-Posta.

Bir-ritratt tagħha, Il-Grand Place ta’ Brussell fid-dawl ta’ qamar, rebħet żjara ta’ jumejn fi Brussell matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE f’Marzu 2025.

Is-Sinjura Cikojević ipparteċipat fis- 2024 seminar “Nikkollegaw l-UE 2004” ta’ din is-sena fis-17 u t-18 ta’ Ottubru fi Brussell. Is-seminar laqqa’ flimkien uffiċjali tal-istampa u tal-komunikazzjoni mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE kif ukoll ġurnalisti. Is-seminar ġie organizzat bit-titolu: “L-aħħar bażi tad-demokrazija: ngħinu lill-ġurnaliżmu jissopravivi u jikber”, u ffoka fuq l-isfidi mingħajr preċedent li l-ġurnalisti qed jaffaċċjaw f’dinja ta’ IA li qed tevolvi malajr u fejn il-pressjoni politika dejjem qed tiżdied.

Il-parteċipanti ngħaqdu wkoll mas-sessjoni ta’ networking “Xogħol bħala uffiċjal tal-istampa jew tal-komunikazzjoni fl-era ta’ Instagram, TikTok u IA – kif twassal il-messaġġ tiegħek”, li kienet tinkludi żewġ workshops. Il-kompetizzjoni tar-ritratti kienet parti mill-workshop dwar “Tagħlimiet dwar il-kontenut tal-komunikazzjoni”, immexxija mill-ispeċjalist tal-komunikazzjoni Tom Moylan.

Is-Sinjura Cikojević qalet li r-ritratt tagħha, li juri l-qamar ifiġġ mis-sħab mudlam u jdawwal il-lejl, jista’ wkoll b’mod simboliku jirrelata mas-suġġett tas-seminar. Qalet li “Ħadd ma jista’ jwaqqaf il-qamar milli jġib id-dawl fid-dlam. Ħadd m’għandu jwaqqaf lill-ġurnalisti milli jwasslu l-verità għal soċjetà aħjar, aktar sikura u aktar ġusta”.

Bħala r-rebbieħa tal-konkors tar-ritratti, is-Sinjura Cikojević se tipparteċipa fit-tieni Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, li se ssir mis-17 sal-21 ta’ Marzu fil-bini tal-KESE fi Brussell. Is-suġġett ta’ din is-sena huwa “It-Tisħiħ tal-Koeżjoni u l-Parteċipazzjoni f’Soċjetajiet Polarizzati”.

L-Unità tal-Istampa tal-KESE tifraħ lil Martina u tirringrazzja lil kull min bagħat ir-ritratti tiegħu. (ll)

“Klimato reporteriai” (Ir-reporters dwar il-klima), l-aġenzija ġdida fjamanta tal-aħbarijiet dwar il-klima tal-Litwanja, għandha l-għan li tindirizza t-tnaqqis fir-rapportar dwar il-klima u terġa’ ġġib is-suġġett tat-tibdil fil-klima lura fuq quddiem nett tal-aġendi editorjali. F’eżempju eċċellenti tal-ġurnaliżmu taċ-ċittadini, ir-reporters dwar il-klima jikkombinaw il-komunikazzjoni u l-attiviżmu klimatiku biex jedukaw lin-nies dwar it-tibdil fil-klima u jagħtu vuċi lid-Dinja Ommna matul il-kriżi ambjentali. 

“Klimato reporteriai” (Ir-reporters dwar il-klima), l-aġenzija ġdida fjamanta tal-aħbarijiet dwar il-klima tal-Litwanja, għandha l-għan li tindirizza t-tnaqqis fir-rapportar dwar il-klima u terġa’ ġġib is-suġġett tat-tibdil fil-klima lura fuq quddiem nett tal-aġendi editorjali. F’eżempju eċċellenti tal-ġurnaliżmu taċ-ċittadini, ir-reporters dwar il-klima jikkombinaw il-komunikazzjoni u l-attiviżmu klimatiku biex jedukaw lin-nies dwar it-tibdil fil-klima u jagħtu vuċi lid-Dinja Ommna matul il-kriżi ambjentali.

Minn Rūta Trainytė

L-aġenzija tal-aħbarijiet dwar il-klima “Klimato reporteriai” bdiet din is-sena fil-Litwanja. Hija inizjattiva mmexxija minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u eżempju ta’ ġurnaliżmu taċ-ċittadini. L-aġenzija tal-aħbarijiet għandha l-għan li tgħin lill-ġurnalisti jirrapportaw dwar id-diversi aspetti tal-kriżi ambjentali. Għal dak l-għan, it-tim tal-aġenzija jabbozza t-testi u jgħaddihom lill-uffiċċji editorjali.

Il-ħidma tal-aġenzija titwettaq minn komunità ta’ attivisti. It-testi jinkitbu minn ġurnalisti, speċjalisti tar-relazzjonijiet pubbliċi, rappreżentanti tal-NGOs, attivisti u xjentisti – fil-qosor, persuni li jimpurtahom minn dak li qed jiġri u li jridu bidla soċjali. Dawn jiffurmaw ukoll il-Bord tal-“Klimato reporteriai”. Il-Bord jiżgura li l-inizjattiva l-ġdida tkun affidabbli.

Ir-reporters dwar il-klima mhumiex ġodda għad-dinja tal-komunikazzjoni u diġà kisbu esperjenza konsiderevoli fir-relazzjonijiet pubbliċi, fl-editjar u fil-ħolqien u ż-żamma ta’ portali web. Lanqas ma huma ġodda għall-kwistjonijiet klimatiċi. Dan huwa l-mod kif feġġet l-idea. Jagħmlu dak li jagħmlu l-aħjar u jikkombinawh mal-attiviżmu klimatiku. Jagħtu vuċi lid-Dinja Ommna matul din il-kriżi ambjentali.

Naturalment, jinsabu f’kuntatt mal-ġurnalisti. Ix-xejra dominanti fl-uffiċċji editorjali hija li wieħed jemmen li l-aħbarijiet dwar il-klima mhumiex ta’ interess għall-pubbliku u ma jiġġenerawx klikks. Jevitaw li jippubblikaw artikli bit-titli li fihom it-termini “tibdil fil-klima” jew “kriżi klimatika”. Xi tfisser iċ-ċaħda tal-kriżi klimatika? Hija mod kif is-soċjetà tiġi protetta minn aħbarijiet ħżiena u l-ansjetà?

Jista’ jkun li r-realtà ma tkunx daqshekk ħażina. Kwantità enormi ta’ aħbarijiet tidħol fl-uffiċċji editorjali ta’ kuljum, li hija fiżikament diffiċli li tiġi proċessata, anke mingħajr ma jixxandru aħbarijiet relatati mal-klima. Trid tkun familjari wkoll mas-suġġett. Hawnhekk nidħlu aħna. Il-pass li jmiss li qed jieħdu r-reporters dwar il-klima hija li jħarrġu l-ġurnalisti. Naraw ċar li l-ġurnalisti jeħtieġ li jifhmu l-kwistjoni biex jevitaw li jxerrdu l-greenwashing.

Idea oħra hija li ċerti gruppi jiġu mgħallma dwar it-tibdil fil-klima b’mod attraenti. Fuq kollox, irridu nilħqu liż-żgħażagħ, u rrealizzajna li huma jirreaġixxu tajjeb għall-umoriżmu. Għadna m’aħniex ċerti kif se naħdmu fil-futur, iżda din hija d-direzzjoni li rridu nieħdu.

L-aġenzija tal-aħbarijiet diġà ilha topera għal sitt xhur. Mill-esperjenza tagħna stess nafu li rridu nkunu paċenzjużi. Persistentement u intenzjonalment inħabbtu l-bibien tal-uffiċċji editorjali bl-aħbarijiet tagħna. It-testi tagħna diġà qed jiġu ppubblikati fuq portali ewlenin tal-aħbarijiet Litwani, u aħna niġu mistiedna fuq il-programmi tar-radju.

Sabiex niżguraw li l-ħidma editorjali tagħna tkun ta’ kwalità għolja, huwa importanti ħafna li nirċievu appoġġ konsiderevoli mill-organizzazzjonijiet ambjentali Litwani, li l-organizzazzjonijiet tagħna jkunu membri ta’ networks internazzjonali ta’ NGOs, li l-membri tagħna jipparteċipaw fi gruppi ta’ ħidma fil-livell tal-UE u li jirrappreżentaw lil-Litwanja fil-KESE. Dan jippermettilna nwessgħu l-firxa tagħna ta’ suġġetti u nibqgħu aġġornati mal-ġrajjiet kurrenti.

Ir-rabta tagħna mal-KESE tmur lil hinn mill-fatt li wieħed mill-inizjaturi tal-proġett, Kęstutis Kupšys, huwa membru tal-Kumitat. Il-membri tal-KESE jistgħu jaqsmu l-esperjenzi rilevanti mid-diversi pajjiżi tagħhom biex jarrikkixxu l-aħbarijiet dwar il-klima ppubblikati minn “Klimato reporteriai”. F’dan ir-rigward, dan l-aħħar tkellimna ma’ Arnaud Schwartz, membru tal-KESE minn Franza, fl-okkażjoni tas-Summit Dinji dwar il-Bijodiversità tal-COP16. L-għarfien li qasam magħna direttament minn Cali wassal għal artiklu minn “Klimato reporteriai”. Il-ħsibijiet tiegħu nstemgħu wkoll fil-media Litwana. Dan il-mudell, li permezz tiegħu l-għarfien espert tal-membri tal-KESE jintuża biex l-aħbarijiet globali jiġu kkomunikati b’mod effettiv lill-udjenzi lokali, wera l-valur tiegħu. Għalhekk se nerġgħu nużawha fil-futur.

Rūta Trainytė hija l-editur fl-aġenzija tal-aħbarijiet dwar il-klima “Klimato reporteriai”. L-aġenzija hija parti mill-proġett ŽALINK, iffinanzjat mill-Istat. Il-proġett, li huwa mmexxi mill-Alleanza tal-Konsumatur, il-Pjattaforma tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-NGO “Ekonomija Ċirkolari”, huwa ffinanzjat mill-Programm dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Aġenzija għall-Ġestjoni tal-Proġetti Ambjentali tal-Ministeru tal-Ambjent tar-Repubblika tal-Litwanja.

 

F’Ottubru, il-KESE adotta Opinjoni li tipproponi riflessjoni mill-ġdid u fundamentali dwar kif jaħdmu l-finanzi tal-UE. Huwa appella għal aktar trasparenza u parteċipazzjoni taċ-ċittadini madwar l-UE, biex b’hekk jissaħħu d-demokrazija u l-fiduċja pubblika. 

F’Ottubru, il-KESE adotta Opinjoni li tipproponi riflessjoni mill-ġdid u fundamentali dwar kif jaħdmu l-finanzi tal-UE. Huwa appella għal aktar trasparenza u parteċipazzjoni taċ-ċittadini madwar l-UE, biex b’hekk jissaħħu d-demokrazija u l-fiduċja pubblika. 

Biex dan l-għan jinkiseb, il-KESE rrakkomanda li jiġi żviluppat qafas komuni għal trasparenza fiskali, li jinvolvi liċ-ċittadini fil-proċessi tal-ibbaġitjar, u li jinħolqu għodod diġitali għal informazzjoni aktar ċara dwar il-baġit.

“Immaġina biss li tkun tista’ ssegwi kull euro ta’ finanzjament tal-UE – minn Brussell permezz tal-gvernijiet nazzjonali sal-komunità lokali tiegħek”, qalet ir-relatur tal-Opinjoni, Elena Calistru.

Fil-fehma tal-KESE, qafas komuni għal trasparenza fiskali se jistabbilixxi standards ċari u konsistenti għall-programmi kollha ffinanzjati mill-UE u jiżgura rappurtar uniformi u aċċess faċli għad-data finanzjarja fl-Istati Membri kollha. L-enfasi tkun fuq il-promozzjoni tal-aħjar prattiki aktar milli l-introduzzjoni ta’ regolamenti ġodda.

L-ibbaġitjar parteċipattiv jippermetti liċ-ċittadini jkollhom sehem dirett fid-deċiżjonijiet dwar l-infiq pubbliku, b’mod partikolari fil-livell lokali, filwaqt li jinkorpora elementi parteċipattivi fil-proċessi tal-ibbaġitjar fil-livell tal-UE.

Il-KESE appella għal pjattaforma diġitali unifikata faċli għall-utent li toffri data baġitarja f’ħin reali, viżwalizzazzjonijiet ċari, u għarfien dwar kif il-fondi tal-UE qed jagħtu r-riżultati. Dan iżid il-fehim pubbliku u l-involviment tal-informazzjoni finanzjarja.

Il-KESE enfasizza wkoll l-importanza li titqajjem kuxjenza pubblika, tiġi żgurata sorveljanza aktar b’saħħitha, u li l-prattiki finanzjarji jiġu allinjati mal-għanijiet tal-UE bħall-koeżjoni u s-sostenibbiltà biex jitrawmu l-kooperazzjoni u r-responsabbiltà.

“Il-finanzi tal-UE mhumiex biss dwar iċ-ċifri. Huma dwar il-fiduċja u d-demokrazija u biex l-Ewropa taħdem għaċ-ċittadini tagħha", ikkonkludiet is-Sinjura Calistru. (tk)

Mill-Grupp tal-Ħaddiema

Jidher li llum il-ġurnata hija adatta – u kif – parafrażi tal-islogan tal-kampanja ta’ Bill Clinton tal-1992 “L-ekonomija kollox, balalu!”, li dak iż-żmien kellu impatt kbir fuq il-votanti Amerikani li kienu qed jiffaċċjaw reċessjoni. Biżżejjed tħares lejn ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ postelettorali tal-UE fl-Ewrobarometru li juru li l-inflazzjoni u l-ekonomija kienu s-suġġetti ewlenin li ħeġġew lin-nies jivvutaw.  

Mill-Grupp tal-Ħaddiema

Jidher li llum il-ġurnata hija aktar adatta parafrażi tal-islogan tal-kampanja ta’ Bill Clinton tal-1992 “Hija l-ekonomija li tħoll u torbot, baħnan!”, li dak iż-żmien kien laqat bil-kbir il-votanti Amerikani li kienu qed jiffaċċjaw reċessjoni. Biżżejjed tħares lejn ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ postelettorali tal-UE fl-Ewrobarometru li juru li l-inflazzjoni u l-ekonomija kienu s-suġġetti ewlenin li ħeġġew lin-nies jivvutaw. 

Le, ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd u t-tbatija ekonomika waħedha ma tistax tispjega l-problemi kollha marbuta mal-elezzjonijiet li ġejjin. Madankollu, huwa ċar li ż-żieda fil-prezzijiet, l-għoli tal-ħajja u s-sitwazzjoni ekonomika kienu l-motivaturi ewlenin tal-votanti fl-UE fir-rebbiegħa li għaddiet u n-naħa l-oħra tal-Atlantiku ftit ġimgħat ilu. Mhux għax is-sinjali ma kinux ilhom li ħarġu fid-dieher: biss biss, kien it-tħassib ewlieni (segwit mill-faqar u l-esklużjoni soċjali) fil-bidu tal-2023. Filwaqt li l-indikaturi makroekonomiċi jagħtu l-impressjoni li huma suċċess għal dawk li jfasslu l-politika, l-impatt dirett tal-inflazzjoni fuq oġġetti essenzjali bħall-ikel u l-enerġija għadu sever, u jaffettwa b’mod sproporzjonat lil dawk li jonfqu sehem akbar mill-introjtu tagħhom fuq dawn il-ħtiġijiet. Dan seħħ f’nofs l-irkupru mill-pandemija u r-rispons ta’ politika katastrofiku marbut magħha, u għad hemm ħafna pajjiżi li għadhom qed ibatu l-konsegwenzi tal-kriżi tal-2008.

Il-pagi ilhom diżakkoppjati mit-tkabbir tal-produttività għal għexieren ta’ snin, u dan wassal biex il-prospetti ta’ futur aħjar jisfaw fix-xejn għal ħafna nies tal-klassi tal-ħaddiema u l-klassi medja. L-estremiżmu politiku u t-taqlib elettorali mhux se jisparixxu.

L-indirizzar tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja huwa kruċjali għall-futur tal-Ewropa, peress li tixħet dawl fuq kwistjonijiet strutturali fis-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna waqt li tisfida l-prinċipji li fuqhom tissejjes in-nisġa soċjali tad-demokraziji tagħna.

Fis-26 ta’ Novembru, il-Grupp tal-Ħaddiema ltaqa’ ma’ diversi partijiet ikkonċernati biex jiddiskutu dan kollu, u nistednuk tagħti ħarsa lejn din id-diskussjoni u tingħaqad magħna biex tappella lil dawk li jfasslu l-politika jieqfu jużaw ruxxmata buzzwords, inaqqsu d-diskrepanza fil-ħiliet tagħhom stess, u jiffokaw fuq dak li huwa importanti. 

Il-KESE ddeskriva viżjoni għat-trasformazzjoni tas-sistemi tal-UE tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-ikel biex jiġu żgurati r-reżiljenza u s-sostenibbiltà fi żminijiet ta’ kriżi. 

Il-KESE ddeskriva viżjoni għat-trasformazzjoni tas-sistemi tal-UE tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-ikel biex jiġu żgurati r-reżiljenza u s-sostenibbiltà fi żminijiet ta’ kriżi. 

F’Opinjoni adottata f’Ottubru, il-KESE appella għal sistema tal-ikel li tkun kompetittiva, reżistenti għall-kriżijiet u allinjata mal-għanijiet ambjentali u soċjali tal-UE. Enfasizzat is-sigurtà tal-ikel, introjtu ġust għall-produtturi, ir-reżiljenza ambjentali u l-appoġġ għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ produtturi tal-ikel.

“L-iżgurar ta’ dħul stabbli u sostenibbli għall-produtturi huwa essenzjali, l-istess bħat-trawwim ta’ politika tal-ikel ibbażata fuq l-għarfien li tħeġġeġ l-innovazzjoni,” qal Arnold Puech d’Alissac, il-President tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Bdiewa u wieħed mit-tliet relaturi tal-Opinjoni.

Biex jappoġġja dan, il-KESE jipproponi li tissaħħaħ is-setgħa ta’ negozjar tas-settur tal-biedja fin-negozjati dwar il-prezzijiet u li jiżdied il-finanzjament tal-UE għall-agrikoltura u s-sajd. Jitlob ukoll li l-ftehimiet kummerċjali futuri jinkorporaw l-istandards tal-Patt Ekoloġiku u tal-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, u jiżguraw kompetizzjoni ġusta u kwalità għolja tal-ikel.

“L-iżgurar ta’ dħul ġust għall-produtturi primarji huwa kritiku,” qalet Piroska Kállay, relatur ieħor għall-Opinjoni.

Għal dan l-għan, il-KESE appella għal infurzar aktar strett tal-prattiki kummerċjali ġusti u projbizzjoni fuq il-bejgħ taħt il-livell tal-kostijiet, sabiex tiġi bbilanċjata mill-ġdid il-katina tal-provvista tal-ikel. Il-politiki li jippromovu t-tiġdid ġenerazzjonali, li jiffukaw fuq iż-żgħażagħ u n-nisa, inklużi l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ għall-kooperattivi, huma wkoll ta’ importanza kbira.

Sabiex tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà, il-KESE rrakkomanda li jiġu ppremjati l-isforzi ta’ sekwestru tal-karbonju, bħall-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, u l-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. “Dawn il-miżuri jgħinu biex il-produzzjoni tal-ikel tiġi allinjata mal-miri klimatiċi tal-UE u mal-impenji ambjentali globali,” qal Joe Healy, relatur ieħor.

Proposta oħra hija sistema ta’ assigurazzjoni pubblika biex tipproteġi lill-produtturi minn diżastri relatati mal-klima, u tiżgura l-kontinwità tal-provvista tal-ikel.

Il-KESE appella għal politiki biex tiġi restawrata s-saħħa tal-ħamrija u tal-ilma, tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u jitnaqqas l-użu, flimkien mat-tnaqqis tal-burokrazija u t-tisħiħ tat-trasparenza bit-traċċar diġitalizzat tal-prezzijiet u tal-ispejjeż.

Fl-aħħar nett, il-KESE rrakkomanda li jiġi stabbilit Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel biex jitrawwem id-djalogu dwar kwistjonijiet relatati mal-ikel u biex il-politika dwar l-ikel tiġi allinjata ma’ objettivi soċjali u ambjentali usa’. Dawn il-proposti jipprovdu pjan direzzjonali biex is-sistemi tal-ikel tal-UE jsiru aktar reżiljenti, sostenibbli u ekwi fid-dawl tal-isfidi globali.(ks)

Minn Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Minkejja l-fatt li l-UE hija aktar sinjura mill-biċċa l-kbira tal-partijiet tad-dinja, miljuni ta’ tfal għadhom jiddependu mill-iskejjel tagħhom biex jipprovdulhom ikel kuljum. Fil-fatt, qed jiżdied l-għadd ta’ Stati Membri li jipprovdu ikel lit-tfal matul il-vaganzi tal-iskola. Minn dan diġà naraw li l-faqar fl-aktar livell bażiku tiegħu jeżisti u qed jiżdied, u jrid jiġi indirizzat b’mod qawwi u b’rieda soda mill-Kummissjoni Ewropea li jmiss. 

Minn Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Minkejja l-fatt li l-UE hija aktar sinjura mill-biċċa l-kbira tal-partijiet tad-dinja, miljuni ta’ tfal għadhom jiddependu mill-iskejjel tagħhom biex jipprovdulhom ikel kuljum. Fil-fatt, qed jiżdied l-għadd ta’ Stati Membri li jipprovdu ikel lit-tfal matul il-vaganzi tal-iskola. Minn dan diġà naraw li l-faqar fl-aktar livell bażiku tiegħu jeżisti u qed jiżdied, u jrid jiġi indirizzat b’mod qawwi u b’rieda soda mill-Kummissjoni Ewropea li jmiss.

L-istatistika Ewropea dwar il-faqar hija inkwetanti. Madwar 21 % tal-popolazzjoni tal-UE tinsab f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali (data tal-Eurostat għall-2023) u kważi 25 % tat-tfal jinsabu f’riskju li jaqgħu fin-nassa tal-faqar (data tal-Eurostat għall-2023). Jista’ jkun li l-problema tkun agħar mingħajr l-inizjattivi attwali tal-UE li jixprunaw il-bidla f’dan il-qasam, iżda rridu nammettu li dawn mhumiex biżżejjed. Din hija r-raġuni għaliex il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tiegħu jilqgħu b’sodisfazzjon it-tħabbira tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen li l-Kummissjoni se tkun qed taħdem fuq strateġija tal-UE kontra l-faqar li tindirizza l-kawżi ewlenin tal-faqar matul il-mandat 2024-2029. Il-KESE, u l-Grupp tiegħi b’mod partikolari, ilhom żmien twil jitolbu strateġija bħal din.

B’xorti ħażina, il-faqar mhuwiex biss “nuqqas” tar-riżorsi bażiċi li l-familji jeħtieġu kuljum. Dan huwa r-riżultat ta’ sensiela ta’ ċirkostanzi fit-tul li jmorru id f’id ma’ privazzjoni fit-tul. Din il-privazzjoni hija marbuta ma’ sistemi politiċi, li fl-aħjar każ jinjoraw ċerta demografija u fl-agħar każ jiddiskriminaw kontrihom.

Is-soluzzjonijiet se jkollhom bżonn jivvalutaw il-kawżi storiċi profondi tal-faqar. Dan ifisser li jiġi eżaminat kull stadju tal-ħajja tan-nies, mit-twelid sal-mewt. L-istess jgħodd għall-provvista tal-akkomodazzjoni, li qed issir waħda mill-aktar problemi serji li qed jiffaċċjaw is-soċjetajiet Ewropej. Din hija r-raġuni għaliex, fuq talba tal-Grupp tiegħi, il-KESE kkummissjona studju dwar akkomodazzjoni sostenibbli u affordabbli fl-UE. Dan ġie ppreżentat fil-konferenza tagħna fil-21 ta’ Novembru dwar il-protezzjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli fl-Ewropa permezz ta’ akkomodazzjoni sostenibbli u affordabbli. B’din il-konferenza, urejna li l-akkomodazzjoni affordabbli hija waħda mill-istrumenti ewlenin għall-ġlieda kontra l-faqar.

Ninsabu kuntenti li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida se tinkludi kummissarju responsabbli għall-enerġija u l-akkomodazzjoni, u b’hekk tgħin biex jinqered il-faqar. Madankollu, huwa inkwetanti li l-biċċa l-kbira tal-politiċi għadhom iqisu l-qerda tal-faqar bħala problema li għandha tiġi solvuta b’baġits kbar u ġestiti b’mod burokratiku. Ir-riżorsi se jilħqu lil dawk affettwati meta tinbidel din il-mentalità. Il-faqar huwa kwistjoni trasversali u l-kummissarji Ewropej il-ġodda għall-enerġija u l-akkomodazzjoni, l-ugwaljanza, il-koeżjoni u r-riformi u t-tranżizzjoni ġusta jeħtiġilhom jieħdu r-responsabbiltà li jixprunaw din il-bidla, b’mod urġenti.

Il-KESE jistieden lill-UE tmexxi b’mudell ta’ bijoekonomija sostenibbli allinjat mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-għanijiet klimatiċi. 

Il-KESE jistieden lill-UE tmexxi b’mudell ta’ bijoekonomija sostenibbli allinjat mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-għanijiet klimatiċi.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar "Allinjament tal-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija", il-KESE jiddeskrivi kif bijoekonomija robusta tista’ tagħti spinta lill-benefiċċji ekonomiċi u ekoloġiċi tal-Ewropa, issaħħaħ ir-reżiljenza, u tappoġġja tranżizzjoni ġusta. L-investimenti strateġiċi fil-kollaborazzjoni transsettorjali u l-involviment tal-komunità jistgħu jpoġġu l-bijoekonomija tal-UE bħala mudell globali għat-tkabbir sostenibbli.

Bijoekonomija sostenibbli trid tkun allinjata mal-oqfsa tal-UE bħall-Patt Ekoloġiku, l-ekonomija ċirkolari, u l-għanijiet tal-bijodiversità. Dan jiżgura li l-attivitajiet tal-bijoekonomija jikkontribwixxu għall-miri tal-klima u tal-bijodiversità waqt li jibqgħu fil-limiti planetarji.

“Strateġija komprensiva u ambizzjuża dwar il-bijoekonomija hija essenzjali. Billi tallinja mal-ekonomija ċirkolari u mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, il-bijoekonomija tista’ trawwem vantaġġ kompetittiv għall-UE billi toħloq impjiegi sostenibbli u mħallsa tajjeb u tiżgura tkabbir li jirrispetta l-limiti ekoloġiċi,” qal Cillian Lohan, relatur tal-Opinjoni.

Il-bijoekonomija tista’ tibni fuq il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, tnaqqas l-iskart u ttejjeb l-effiċjenza permezz ta’ kaskata tar-riżorsi u riċirkolazzjoni tal-materjal bijoloġiku. Dan joffri benefiċċji soċjali, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, billi joħloq impjiegi u opportunitajiet għall-bini tal-ħiliet. L-appoġġ għall-komunitajiet rurali u l-involviment taż-żgħażagħ f’dan is-settur huwa kruċjali.

L-edukazzjoni dwar il-bijoekonomija tista’ tgħin biex tinbena forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati u titqajjem kuxjenza dwar is-sostenibbiltà. Tikkontribwixxi wkoll għal saħħa pubblika mtejba billi tnaqqas l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa. Kruċjali għal dan l-isforz huma l-avvanzi fit-teknoloġija u fl-użu sostenibbli tal-art, bħall-biedja riġenerattiva u l-forestrija, li jagħtu spinta lill-ħżin tal-karbonju u lill-bijodiversità.

Il-biedja urbana u ċ-ċentri tal-ikel ċirkolari jistgħu jnaqqsu l-ħela tal-ikel u jsaħħu s-sistemi tal-ikel lokali. L-UE għandha żżomm standards għoljin fin-negozju u l-innovazzjoni, u tinkoraġġixxi l-adozzjoni bikrija ta’ teknoloġiji b’bażi bijoloġika. Il-finanzjament għandu jipprijoritizza mexxejja innovattivi u jappoġġja intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Biex il-bijoekonomija tiġi integrata fil-politiki tal-UE, hija meħtieġa definizzjoni ċara. L-aġġornament tal-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija sal-2025 għandu jallinja mal-Patt Ekoloġiku u mal-Ftehim ta’ Pariġi, u jipprovdi pjan direzzjonali għal ekonomija sostenibbli u reżiljenti b’bażi bijoloġika. (ks) 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed jospita Powerful Encounters: Picturing an end to energy poverty (Inkontri b’saħħithom: Stampa tat-tmiem il-faqar enerġetiku), wirja ta’ ritratti b'saħħitha li turi x-xogħol tal-fotografu Miriam Strong. Il-wirja, organizzata fi sħubija ma’ Friends of the Earth Europe, tenfasizza l-attiviżmu, il-kollettiviżmu u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-komunitajiet madwar l-Ewropa li qed jiffaċċjaw il-faqar enerġetiku. Organizzata fuq l-inizjattiva tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, il-wirja se tittella’ fil-bini JDE tal-KESE fi Brussell, f’Rue Belliard 99-101, mill-4 sas-16 ta’ Diċembru.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed jospita Powerful Encounters: Picturing an end to energy poverty (Inkontri b’saħħithom: Stampa tat-tmiem il-faqar enerġetiku), wirja tar-ritratti b'saħħitha li turi x-xogħol tal-fotografu Miriam Strong. Il-wirja, organizzata fi sħubija ma’ Friends of the Earth Europe, tenfasizza l-attiviżmu, il-kollettiviżmu u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-komunitajiet madwar l-Ewropa li qed jiffaċċjaw il-faqar enerġetiku. Organizzata fuq l-inizjattiva tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, il-wirja se tittella’ fil-bini JDE tal-KESE fi Brussell, f’Rue Belliard 99-101, mill-4 sas-16 ta’ Diċembru.

Fil-ftuħ tal-wirja, il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni Aurel Laurenţiu Plosceanu u l-President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE Séamus Boland enfasizzaw l-impenn tal-KESE li jinqered il-faqar, jippromovi enerġija affordabbli, irawwem bidla sistemika u jilħaq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). 

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Boland għamel aċċen għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-livelli tal-faqar fl-Ewropa, u enfasizza l-ħtieġa għal rispons politiku b’saħħtu mill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida u mill-Parlament Ewropew. “L-ewwel Strateġija tal-UE Kontra l-Faqar u l-Patt għal Industrijali Nadifa, imħabbra mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fil-linji gwida politiċi tagħha għall-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, iridu jipprovdu soluzzjonijiet sostenibbli għar-realtajiet fil-prattika”, qal is-Sur Boland.

L-attivista dwar il-ġustizzja enerġetika Laia Segura u l-uffiċjal tal-komunikazzjoni ta’ Friends of the Earth Yvonne Lemmen enfasizzaw li dan il-proġett ta’ ritratti jesplora kif in-nies jikkonfrontaw il-faqar enerġetiku u jiġġieldu għad-dritt tagħhom għal djar deċenti u reżiljenti għat-tibdil fil-klima mħaddma b’enerġija affordabbli u nadifa. Għal aktar informazzjoni, ikklikkja hawnhekk.