Il-KESE jappella għal titjib fil-klawżoli ta’ salvagwardja agrikoli fil-ftehimiet kummerċjali

Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju ġiet adottata Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja għall-prodotti agrikoli fil-ftehimiet kummerċjali.

Din l-Opinjoni, adottata eżatt qabel ma tibda r-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-politika kummerċjali tal-UE, tenfasizza l-isfida ġeostrateġika tal-produzzjoni alimentari u l-ħtieġa għall-ħarsien tal-kapaċità tal-produzzjoni ta’ kull pajjiż, billi jiġu promossi politiki agrikoli u kummerċjali adatti, filwaqt li jiġi żgurat kummerċ internazzjonali organizzat, u b’hekk jiġu indirizzati kemm l-inċertezzi fil-produzzjoni kif ukoll l-iskarsezzi dejjiema f’ċerti żoni ġeografiċi.

Skont ir-relatur, Arnold Puech d’Alissac, membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, “l-iżviluppi fil-kapaċitajiet tal-IT issa jagħmluha possibbli li jiġu implimentati miżuri ferm aktar effettivi. Dawn jistgħu jkunu rapidi, awtomatiċi, proporzjonati u eżawrjenti sabiex jissodisfaw ir-rwol tagħhom li jħarsu s-setturi, mill-produtturi sal-konsumaturi.

Ir-relatur jenfasizza wkoll li, "din hija wkoll opportunità biex il-kunċett ta’ sostenibbiltà jiġi rikonoxxut fin-negozjati kummerċjali biex jiġi evitat li importazzjonijiet irħas, iżda b’kundizzjonijiet ta’ produzzjoni mhux sostenibbli biżżejjed, jingħataw preferenza askapitu tal-produzzjoni Ewropea. Fid-dawl tal-Patt Ekoloġiku, il-konsistenza bejn il-politiki ambjentali, agrikoli u kummerċjali hija essenzjali”.