Il-Viċi President, Cillian Lohan: il-KESE u s-soċjetà ċivili organizzata f’solidarjetà mal-poplu Ukren

F’dan il-mument traġiku kawża tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, ninsabu f’solidarjetà mal-poplu Ukren. Qed naraw li s-soċjetà ċivili, f’ħafna pajjiżi tal-UE, tinsab impenjata b’mod attiv biex tgħin lir-refuġjati jdewwu l-ġrieħi tal-gwerra u jerġgħu jibnu ħajja ġdida.

Is-soċjetà ċivili tal-UE wriet mobilizzazzjoni impressjonanti u għamlet sforzi kbar biex tipprovdi lis-soċjetà ċivili tal-Ukrajna bil-qafas kollu meħtieġ biex tissopravivi l-gwerra u tadatta għall-kundizzjonijiet il-ġodda tal-ħajja permezz ta’ mekkaniżmi ta’ integrazzjoni għar-refuġjati Ukreni. Ħafna pajjiżi diġà nedew servizzi, faċilitajiet u prattiki biex jinkluduhom bħala membri tas-soċjetà u joffru opportunitajiet ta’ impjieg, akkomodazzjoni, edukazzjoni u tagħlim. B’ammirazzjoni kbira nara s-sħubija b’saħħitha diġà mibnija bejn l-UE u s-soċjetajiet ċivili Ukreni. Huwa importanti li din is-sħubija b’saħħitha tiġi amplifikata u jinħolqu mezzi ta’ komunikazzjoni sabiex l-informazzjoni, id-data, l-ideat u l-prattiki jkunu jistgħu jiġu skambjati faċilment u b’mod affidabbli.

Sa mill-bidu tal-gwerra, osservajna mewġa unika ta’ ġenerożità umana indirizzata lir-refuġjati Ukreni, eżempju uniku ta’ solidarjetà, unità u altruwiżmu. Eżempju konkret tal-ftuħ u s-solidarjetà tal-UE huwa l-għajnuna umanitarja, bħall-ikel, il-mediċina, il-prodotti ta’ neċessità, fondi li ġejjin mill-oqsma kollha tal-ħajja.

Is-soċjetà ċivili tinsab spalla ma’ spalla mal-poplu Ukren. Il-poplu Ukren jiddefendi l-paċi u s-sigurtà għal kulħadd. It-traġedja umana ma għandhiex fruntieri, tikkonċernana lkoll kemm aħna. Nittama li l-kuluri blu u isfar tal-bandiera Ukrena jistgħu jiġu ttrasformati f’pont sod li jwassal lill-poplu Ukren għal-libertà tiegħu.