European Economic
and Social Committee
Il-KESE jinsab lest li jaħdem mal-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-UE
Is-sessjoni plenarja ta’ Lulju tal-KESE inkludiet dibattitu mal-Ministru Ungeriż għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea, János Bóka, li ppreżenta l-prijoritajiet ewlenin tal-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-UE.
L-Ungerija qed tieħu r-riedni tal-presidenza b’rotazzjoni fi żmien sensittiv għall-Ewropa, żmien ta’ tranżizzjoni politika fi ħdan l-istituzzjonijiet u sfidi straordinarji għall-Unjoni. “Il-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-2024 waslet fi żmien ta’ kriżijiet multipli,” qal is-Sur Bóka. “Qed naraw gwerra fil-viċinat tagħna, tnaqqis fil-kompetittività Ewropea, żieda fit-tensjonijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE, sfidi demografiċi, migrazzjoni mhux ikkontrollata u prospetti li qed jonqsu għall-bdiewa Ewropej.”
Waqt li fakkar li l-Kumitat kellu storja twila ta’ ħidma tajba mal-presidenzi tal-Kunsill, il-President tal-KESE Oliver Röpke tkellem dwar ir-rwol tal-istituzzjoni bħala gwardjan tal-valuri Ewropej: “Il-Kumitat tagħna huwa impenjat li jaħdem mill-qrib mal-Presidenza Ungeriża biex jiżgura li l-UE qed tieħu azzjoni dwar dak li l-Ewropej iħossu li huma l-aktar prijoritajiet urġenti. Ser inkunu msieħba imprezzabbli, iżda wkoll kritiċi li jesprimu ruħhom b’mod ċar u kostruttivi. Is-soċjetà ċivili għandha vuċi b’saħħitha, u se niżguraw li tinstema’.”
Xi membri tal-KESE esprimew tħassib dwar il-pożizzjoni tal-Ungerija dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ir-rispett għall-istat tad-dritt fl-UE, u l-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili fl-Ungerija. Is-Sur Bóka qal li l-presidenza Ungeriża kienet kompletament konxja tar-responsabbiltajiet tagħha u qablet kemm mal-pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-Ukrajna kif ukoll mal-istat tad-dritt u l-valuri Ewropej. Il-presidenza Ungeriża diġà kkuntattjat lill-KESE u talbet għaxar Opinjonijiet esploratorji. Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-KESE matul il-presidenza Ungeriża, jekk jogħġbok iċċekkja s-sit web tal-KESE. (mp)