Alain Coheur

Minn Alain Coheur

Is-saħħa hija pilastru fundamentali tar-reżiljenza u l-prosperità tal-UE. Lil hinn minn suġġett periferali, is-saħħa hija prijorità ewlenija għal kull ċittadin Ewropew, peress li lkoll kemm aħna nużaw is-sistemi tas-saħħa tagħna f’mument jew ieħor. Matul il-COVID, is-saħħa kienet il-fokus ċentrali. Madankollu, għandu jingħad li l-President von der Leyen naqset milli tagħmel użu mill-pożizzjoni tagħha biex taħtaf opportunità unika biex tagħmel is-saħħa komponent essenzjali tal-oqsma ta’ politika l-oħra kollha billi tippromovi l-integrazzjoni trasversali tal-politiki tas-saħħa.

Jeħtieġ li negħlbu s-silos settorjali u niżviluppaw mudell Ewropew aktar koerenti, koeżiv u inklużiv, li jappoġġja tranżizzjoni ġusta għal kulħadd, fejn ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Irridu ngħaqdu l-partijiet ikkonċernati kollha, insaħħu d-djalogu soċjali u ninvolvu lis-soċjetà ċivili, mit-tfassil tal-politika sal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni.

Il-Kumitat jappella għal Inizjattiva Ewlenija Ewropea għas-Saħħa: inizjattiva unifikanti ankrata fis-solidarjetà Ewropea biex insaħħu s-sistemi tas-saħħa tagħna, niġġieldu l-inugwaljanzi fis-saħħa u nipproteġu kontra kriżijiet futuri. Dawn huma wħud mill-aspetti li se jiffurmaw il-qalba ta’ din l-inizjattiva komprensiva:

  • Il-Garanzija Ewropea tas-Saħħa u l-Kura: wegħda lil kull ċittadin Ewropew li jiġi żgurat aċċess ekwu u universali għal kura ta’ kwalità għolja.
  • L-approċċ "Saħħa Waħda": is-saħħa tal-bniedem hija marbuta b’mod inseparabbli mas-saħħa tal-annimali, tal-pjanti u tal-ambjent. It-tibdil fil-klima, il-pandemiji u t-telf tal-bijodiversità huma kollha theddidiet li jġegħluna nieħdu approċċ olistiku.
  • L-immodernizzar tas-sistemi tas-saħħa tagħna billi jiġu adottati għodod diġitali u l-intelliġenza artifiċjali, u jiġi żgurat li ċ-ċibersigurtà u t-titjib tal-ħiliet diġitali taċ-ċittadini u tal-professjonisti tas-saħħa jkunu fil-qalba ta’ dan il-proċess.
  • Investimenti strateġiċi soċjali u tas-saħħa. L-investiment fis-saħħa għandu impatt pożittiv fuq il-benesseri taċ-ċittadini u fuq il-kompetittività tal-Ewropa.
  • L-iżgurar tal-aċċess għall-mediċini u l-bini ta’ industrija innovattiva u kompetittiva tal-UE, li tpoġġi s-saħħa u l-interess pubbliku fuq quddiem nett tal-avvanzi tagħha u tnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-ktajjen tal-provvista globali. Il-produzzjoni fit-territorju Ewropew hija essenzjali biex tiġi ggarantita s-sovranità tas-saħħa tagħna.
  • L-iżgurar ta’ għadd suffiċjenti ta’ professjonisti tas-saħħa mħarrġa tajjeb u mħallsa tajjeb, billi jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti, isir investiment fit-taħriġ, jinbnew karrieri ta’ sodisfazzjon u jingħata appoġġ kostanti lill-ħaddiema tas-saħħa.
  • It-tisħiħ tal-politiki dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, b’mod partikolari permezz tal-mediċina okkupazzjonali, il-programmi ta’ skrinjar fuq il-post tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema mill-karċinoġeni u l-mutaġeni.
  • L-indirizzar tal-pjaga tal-mard mhux komunikabbli u l-isfida tal-mard rari għandu jkun prijorità; din hija sfida kontra l-inugwaljanzi fis-saħħa li jirriżultaw minn kawżi multipli.