European Economic
and Social Committee
Il-KESE jappella għal turiżmu riġenerattiv biex jissaħħu l-ekonomija u l-ambjent
It-turiżmu huwa mutur għall-ekonomija tal-UE u jista’ jsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa. Wasal iż-żmien li nikkunsidraw mill-ġdid il-mod kif jaħdem it-turiżmu u nimxu lil hinn mis-sostenibbiltà lejn turiżmu riġenerattiv – fejn id-destinazzjonijiet mhux biss jissopravivu iżda jirnexxu.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tittrasforma s-settur tat-turiżmu tagħha, u tenfasizza s-sostenibbiltà u r-riġenerazzjoni biex jiġu żgurati benefiċċji ekonomiċi u ambjentali fit-tul.
Hekk kif it-turiżmu jibqa’ pilastru importanti għall-ekonomija tal-UE, b’mod partikolari fir-reġjuni li jiddependu ħafna mill-industrija, il-KESE qiegħed jappoġġja tranżizzjoni aċċellerata lejn it-turiżmu sostenibbli u ċaqliqa lejn strateġiji għal turiżmu riġenerattiv, kif deskritt fl-Opinjoni tiegħu dwar It-turiżmu fl-UE: is-sostenibbiltà bħala xprun għall-kompetittività fit-tul.
“Irridu niżguraw li t-turiżmu jkollu rwol fir-rilanċ tal-kompetittività Ewropea. Dan huwa essenzjali, peress li t-turiżmu huwa parti tant importanti mill-PDG ta’ ħafna Stati Membri u reġjuni, kif ukoll tal-ktajjen tal-valur tagħhom,” qalet ir-relatur għall-Opinjoni, Isabel Yglesias.
Is-Sinjura Yglesias qalet li l-Opinjoni bniet fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Palma, adottata matul il-Presidenza Spanjola tal-Kunsill fit-tieni nofs tal-2023, li kienet iġġenerat kunsens wiesa’ dwar kif jiġi żgurat li s-sostenibbiltà tkun fil-qalba tal-futur tat-turiżmu.
Biex jinkiseb dan, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jridu jappoġġjaw b’mod attiv is-settur fit-tranżizzjonijiet tiegħu, u fl-istess ħin jiġi żgurat djalogu kontinwu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u jissaħħaħ id-djalogu soċjali.
Filwaqt li l-isforzi ta’ sostenibbiltà fit-turiżmu għamlu ħafna progress, iż-żieda fl-ivvjaġġar wara l-pandemija poġġiet pressjoni fuq ħafna destinazzjonijiet popolari. Din iż-żieda qed tagħmilha aktar diffiċli għar-reġjuni biex jibbilanċjaw it-tkabbir ekonomiku mal-iżvilupp sostenibbli, waqt li jiffaċċjaw in-nuqqas ta’ persunal u spariġġ bejn l-impjiegi disponibbli u l-ħiliet tal-ħaddiema.
Huwa għalhekk li l-KESE qed jappella wkoll għal bidla lejn turiżmu riġenerattiv, u biex dan jiġi inkluż fl-Istrateġija Ewropea għal Turiżmu Sostenibbli, li l-Kummissjoni Ewropea ser tippreżenta fix-xhur li ġejjin.
Għall-kuntrarju tat-turiżmu sostenibbli tradizzjonali, li jiffoka fuq it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali, it-turiżmu riġenerattiv għandu l-għan li jirrestawra u jsaħħaħ il-kapital naturali, soċjali u ekonomiku. Dan l-approċċ li jħares ’il quddiem jintegra l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u jfittex li jħalli impatt pożittiv dejjiemi fuq id-destinazzjonijiet u l-komunitajiet lokali. (ll)