European Economic
and Social Committee
Wasal iż-żmien għal Programm Ewropew għall-Industrija tad-Difiża fuq skala kbira
minn Antonello Pezzini, delegat tal-Kumitat Konsultattiv tal-KESE dwar il-Bidliet Industrijali u eks membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
F’Jannar li għadda, il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern, Thierry Breton tenna l-ħtieġa li jiġi kkonsolidat suq intern tad-difiża biex tiġi żgurata s-sigurtà tagħna. “Bdejna bil-munizzjon għall-Ukrajna”, stqarr. “Issa jeħtieġ li nwessgħu dan l-approċċ biex jinkludi Programm Ewropew għall-Industrija tad-Difiża fuq skala kbira li jkun kapaċi jappoġġja l-espansjoni tal-bażi industrijali Ewropea u jiżviluppa l-infrastruttura meħtieġa biex jiġu protetti ż-żoni kkontestati”.
Il-KESE kellu l-opportunità li jtenni f’diversi okkażjonijiet il-ħtieġa li tiġi appoġġjata t-tnedija ta’ Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) bl-għan li tinħoloq sistema ta’ difiża komuni interoperabbli u integrata.
Dan l-objettiv huwa aktar urġenti minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, li tħeġġiġna nsaħħu l-awtonomija strateġika tal-Ewropa fid-difiża u niżviluppaw bażi industrijali u teknoloġika komuni soda.
L-EDIDP għandu jitfassal b’viżjoni strateġika komuni għall-industrija tad-difiża li tista’ timxi lejn l-integrazzjoni effettiva tal-manifatturi u l-utenti Ewropej, li tinvolvi mill-inqas tliet Stati Membri.
Hemm ħtieġa emerġenti u li qed tikber għal djalogu strutturat fil-livell Ewropew, f'sinerġija u koordinazzjoni man-NATO, u Kunsill tal-Ministri tad-Difiża li jista' jipprovdi gwida politika dejjiema u forum għall-konsultazzjoni u l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet tabilħaqq Ewropej.
Id-dispożizzjonijiet statutorji għandhom jiżguraw: bilanċ bejn pajjiżi kbar u pajjiżi żgħar; li 20 % tan-negozji parteċipanti huma negozji iżgħar; taħriġ għal persunal imħarreġ u profili ta’ impjiegi ġodda; u taħriġ mill-ġdid għall-persunal li l-ħiliet tagħhom m’għadhomx jintużaw jew saru antikwati.
Issa wasal iż-żmien li dan l-approċċ jiġi estiż u msaħħaħ biex jinkludi programm industrijali Ewropew tad-difiża fuq skala kbira, li jkun kapaċi jappoġġja l-espansjoni tal-bażi industrijali Ewropea, billi jiżviluppa oġġetti ta’ “użu doppju”. Dawn huma oġġetti, inklużi software u teknoloġija, li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll militari u jinkludu oġġetti li jistgħu jintużaw għad-disinn, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu ta’ armi kimiċi jew bijoloġiċi u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom.
Aqra l-artiklu sħiħ minn Antonello Pezzini fil-Bulettin tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE: https://europa.eu/!yKMPTk