Minn Cláudia Pinto, Forum Ewropew taż-Żgħażagħ 

Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, l-akbar pjattaforma tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-Ewropa, li ilu jippromovi traineeships ta’ kwalità tajba għal dawn l-aħħar 10 snin, jingħaqad mas-sejħa tal-KESE biex jiġu pprojbiti traineeships mingħajr ħlas. Il-mistiedna speċjali tagħna, Cláudia Pinto, mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, tanalizza għalina l-aħħar proposta tal-Kummissjoni biex tittejjeb il-kwalità tal-internships fl-UE u telenka n-nuqqasijiet kollha tagħha – minkejja li tiddeskriviha bħala pass kbir ’il quddiem.

It-tiftix ta’ impjieg għaż-żgħażagħ illum il-ġurnata huwa ta’ spiss limitat għal internship mhux imħallas, wieħed wara l-ieħor. Il-wegħda? Li l-internships mhux imħallsa huma portal għas-suq tax-xogħol, li jipprovdu liż-żgħażagħ b’aċċess għan-networks u joffrulhom esperjenzi ġodda ta’ tagħlim. 

Huwa ovvju li dak li ma jipprovdix internship mhux imħallas huwa indipendenza finanzjarja. Kif tixtri l-ikel, tħallas il-kera u l-kontijiet kollha li jinġabru meta tkun qed taħdem bla ħlas? 

L-internships mhux imħallsa huma forma ta’ sfruttament taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Dawn isaħħu l-esklużjoni soċjali, peress li x-xogħol bla ħlas huwa biss għal dawk li jistgħu jaffordjaw jagħmlu dan, u għalhekk iż-żgħażagħ minn sfondi żvantaġġati jiġu esklużi mill-bidu nett. Dak li jagħmel l-affarijiet saħansitra agħar huwa li qed jissostitwixxu l-impjiegi fil-livell tad-dħul, u b’hekk jikkontribwixxu għal suq tax-xogħol saħansitra aktar prekarju. 

Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ ilu jippromovi internships ta’ kwalità tajba għal dawn l-aħħar 10 snin. Matul dawn l-aħħar sentejn konna qed norganizzaw b’mod attiv il-kampanja “Tista’ taffordja taħdem bla ħlas?”, li titlob direttiva biex jiġu pprojbiti internships mhux imħallsa fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri kollha tal-UE. 

Il-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar ippubblikat il-Proposta tagħha biex ittejjeb il-kwalità tat-traineeships fl-Unjoni Ewropea f’Marzu li għadda. U għal direttiva talbu fil-fatt! Dan huwa pass kbir fid-direzzjoni t-tajba, li nkiseb bis-saħħa tal-promozzjoni bla waqfien taż-żgħażagħ madwar il-kontinent. Sfortunatament, minkejja l-pass ’il quddiem, id-direttiva ma tiżgurax b’mod ċar internships imħallsa fis-suq tax-xogħol. 

It-tħassib ewlieni tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ rigward it-test propost huwa li jindirizza biss naħa waħda tal-problema. Il-Proposta tħares biss lejn internships fittizji – impjiegi ġenwini taparsi internships bl-għan li jitnaqqsu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, speċjalment ir-remunerazzjoni – minflok ma tiffoka fuq l-interns kollha fis-suq tax-xogħol. Dak li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea huwa direttiva ta’ infurzar. Minħabba dan, tagħmel ħafna pressjoni fuq l-ispettorati tax-xogħol, li diġà mhumiex iffinanzjati biżżejjed u għandhom ammont eċċessiv ta’ xogħol. 

Għalhekk, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ huwa mħasseb ħafna dwar l-implimentazzjoni prattika tad-direttiva u kif id-drittijiet taż-żgħażagħ jistgħu jiġu rispettati fil-prattika. Essenzjalment, il-Proposta ma tagħtix drittijiet lill-interns, iżda pjuttost tiddefinixxi liema internships m’għandhomx jeżistu. Dan jinkludi prinċipju dwar in-nondiskriminazzjoni tal-interns. Madankollu, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ huwa mħasseb dwar kif l-Istati Membri jistgħu jittrasponuh fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u possibbilment iħalli lok għal min iħaddem biex ikompli jisfrutta liż-żgħażagħ. 

Flimkien ma’ Proposta għal Direttiva, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ukoll Rakkomandazzjoni ġdida tal-Kunsill biex taġġorna l-Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships, billi twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għat-tipi kollha ta’ internships u tinkludi l-prinċipji dwar l-aċċess għall-paga u l-protezzjoni soċjali. Huwa tajjeb ħafna li dawn il-prinċipji jitniżżlu fi proposta, għalkemm sfortunatament ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill mhijiex vinkolanti. 

Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ se jkompli jiddefendi d-drittijiet taż-żgħażagħ u jiġġieled għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Nappellaw lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew isaħħu t-test u jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda lakuna li tippermetti l-isfruttament kontinwu taż-żgħażagħ. Għal analiżi sħiħa ta’ din il-proposta, ara l-artiklu tagħna Żewġ Passi ’l Quddiem u Wieħed Lura.

Cláudia Pinto tmexxi l-ħidma ta’ promozzjoni dwar it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol fil-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, b’enfasi fuq politiki li jtejbu l-kwalità tal-internships fl-Ewropa. Għandha għarfien espert fil-politika soċjali u tax-xogħol Ewropea, u fil-passat ħadmet fil-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions Indipendenti.